Internazzjonali

Trump jiffirma proklamazzjoni ġdida li tipprojbixxi l-ivvjaġġar minn 12-il pajjiż

L-Erbgħa filgħaxija, il-President Amerikan Donald Trump iffirma proklamazzjoni li ser tpoġġi projbizzjoni sħiħa fuq l-ivvjaġġar lejn l-Istati Uniti minn numru ta’ pajjiżi, fosthom l-Afganistan, il-Libja u l-Iran.

Il-miżura, li qed tiġi ġġustifikata bħala waħda marbuta mas-sigurtà nazzjonali, se tolqot 12-il pajjiż b’mod dirett. Dawn huma: l-Afganistan, Burma (jew Myanmar), Chad, il-Kongo, l-Equatorial Guinea, l-Eritrea, Haiti, l-Iran, il-Libja, is-Somalja, is-Sudan u l-Yemen.

Apparti minn hekk, hemm ukoll lista ta’ pajjiżi oħra; fosthom Kuba, il-Venezuela u Turkmenistan, li se jkunu soġġetti għal restrizzjonijiet parzjali. Ma jfissirx li se jiġu projbiti kompletament, imma li l-kundizzjonijiet se jkunu ħafna aktar iebsa.

Fil-proklamazzjoni hemm imniżżel li min għandu viża valida, jew residenti permanenti, mhux ser ikun affettwat direttament. Hemm ukoll eċċezzjonijiet speċjali għal dawk li jidħlu għal raġunijiet ta’ interess nazzjonali.

Skont uffiċjali mill-White House, il-President kien ilu jikkunsidra dan il-pass, iżda l-attakk antisemitiku f’Boulder, Colorado nhar il-Ħadd li għadda qajjem sens ta’ urġenza.