Ix-xogħol fuq it-toroq li qed isir f’diversi zoni ta’ Għawdex qed jaffettwa b’mod negattiv destinazzjonijiet importanti bħalma huma x-Xlendi u Marsalforn.
Dan intqal mill-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu (GTA) meta fi stqarrija tefgħet dawl fuq il-fatt li inqalgħu ħafna toroq f’daqqa – propju issa, fil-bidu tal-istaġun tas-sajf.
Il-Gvern beda dawn ix-xogħlijiet qrib il-parkeġġ ta’ Marsalforn, fiz-zona tal-Qbajjar u anke fir-Rabat – f’waħda mir-rotot li twassal lejn ix-Xlendi. Dan apparti xogħlijiet oħra fir-Rabat stess, fid-direzzjoni lejn Ta’ Sannat.
Il-GTA ma tistax tifhem kif dawn ix-xogħlijiet ħabtu kollha fl-istess żmien, meta beda l-qofol tal-istaġun tal-festi u l-istaġun turistiku.
Apparti minn hekk, hemm problemi relatati ma’ nuqqas ta’ sinjali li jimmarkaw rotot alternattivi; u dan qed ikompli joħloq aktar konfużjoni fit-toroq ta’ Għawdex. Huwa propju f’dan l-ambitu li l-GTA qed tappella għal pjanar u kordinament aħjar fix-xogħlijiet infrastrutturali li qed isiru bħalissa.