Lokali

Appell min-naħa tal-ispeaker dwar id-dikjarazzjonijiet tal-assi

“Il-Poplu Malti qam u ħa azzjoni għax reżiljenti, għax mhux beżan  – minn dawn il-mumenti inbena stat ta’ poplu li qam għall-ġustizzja.”

Saħaq dan l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, fil-jum li fih tfakkru dawk li ħallew ħajjithom f’risq il-poplu Malti.

Hu spjega li fis-7 ta’ Ġunju 1919 Malta inbidlet u bdiet tiġi rikonoxxuta bħala pajjiż li lest iqum sabiex jara li d-drittijiet tiegħu jiġu osservati.

B’Anglu Farrugia jinsisti li l-Membri tal-Parlament llum il-ġurnata qiegħdin fejn qiegħdin minħabba li Maltin bħalna inqatlu sabiex jaraw li jkollna rapreżentanti Maltin għall-Maltin fi żminijiet kolonjali.

Fil-messaġġ tiegħu, Anġlu Farrugia spjega wkoll li bħala President tal-Kamra jrid jibqa’ jinsisti li hemm bżonn tiġi introdotta proċedura parlamentari sabiex jingħata rimedju liċ-ċittadin meta dan iħoss li Membru Parlamentari jkun abbuża mill-privileġġ parlamentari. Iżda fuq kollox, wassal appell qawwi dwar id-dikjarazzjonijiet tal-assi – li Robert Abela u l-Gvern tiegħu qed jibqa’ jżommhom mistura.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia insista illi hemm ukoll bżonn ta’ riformi dwar investigazzjonijiet li jsiru min naħa tal-Kummisarju tal-Istandards – sabiex l-eżitu ta’ dawn l-investigazzjonijiet ikunu dejjem aktar rispettat miż-żewġ naħat tal-Kamra.

Fil-messaġġ tiegħu hu appella wkoll għall-paċi fl-Ukrajna filwaqt li insista għal paċi dejjiema u ġusta.

Intant hu tkellem dwar kif preżentament f’Gaza għaddejin atroċitajiet kbar – b’konsenji tal-ikel li jispiċċaw qatt ma jaslu fl-art Palestinjana; dan fost ġuħ u għaks kbir.

Kien għalekk li appella sabiex dan l-imblokk jieqaf immedjatament u wiegħed li bħala Parlament Malti ser jibqa’ jitfa’ pressjoni sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet ta’ dawk l-aktar vulnerabbli. Hu finalment appella wkoll, f’isem il-Parlament ta’ Malta, sabiex l-Istat Palestinjan jiġi rikonoxxut mill-Gvern Malti.

Intant waqt iċ-ċerimonja tas-Sette Giugno sar ukoll is-salut ad unur il-vittmi ta’ dawk l-irvellijiet: Emmanuele Attard minn tas-Sliema, Lorenzo Dyer mill-Birgu, Carmelo Abela mill-Belt u Giuseppe Bajada minn Għawdex.

Fi tmiem iċ-ċerimonja sar t-tqegħid tal-fjuri fuq il-Monument tas-Sette Giugno mill-għola awtoritajiet tal-pajjiż fosthom mill-Kap tal-PN Bernard Grech.