Knisja Lokali

€31,500 miġbura mill-Maltin u l-Għawdxin għall-poplu tal-Myanmar

Il-Knisja tiġbor aktar minn €700,000 fi tliet snin għal popli f’każijiet ta’ emerġenza


F’perjodu ta’ tmien ġimgħat il-poplu Malti u Għawdxi ġabar is-somma ta’ €31,485 b’risq il-persuni fil-Myanmar li għaddejjin minn tbatija kbira minħabba t-terremot qawwi li laqat lil dan il-pajjiż f’Marzu li għadda.

Din il-kampanja ta’ ġbir ta’ fondi ġiet ikkoordinata minn Caritas Malta fuq talba tal-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex u ngħalqet fit-22 ta’ Mejju 2025. Id-donazzjonijet ingħataw minn individwi, mill-parroċċi f’Malta u Għawdex kif ukoll minn kumpaniji u entitajiet oħra privati.

Il-flus miġbura ngħaddew lil Caritas Internationalis li se tieħu ħsieb toffri s-sapport meħtieġ lill-poplu tal-Myanmar. Dan jinkludi affarijiet bażiċi bħal saqaf ta’ emerġenza, ikel, mediċini u bżonnijiet sanitarji.

Matul l-aħħar 10 ġimgħat, it-terremot, li seħħ fit-28 ta’ Marzu, ħalla aktar minn 17-il miljun persuna affettwata bi ’l fuq minn 5,000 ruħ li tilfu ħajjithom u madwar 6,000 oħra li sfaw midruba. Madwar 120,000 dar ġiet affettwata u daqs 48,000 ġġarrfu kompletament. Saru ħsarat kbar fi skejjel, sptarijiet, pontijiet u siti ta’ importanza. It-terremot kellu saħħa ta’ 7.7 fuq l-iskala Richter u laqat iċ-ċentru tal-Myanmar bl-epiċentru f’Sagaing.

Il-Knisja f’Malta, permezz ta’ Caritas Malta, hi impenjata tkompli bil-ħidma tagħha u tirrispondi permezz tas-soċjetà Maltija fejn ikun hemm sejħiet ta’ emerġenza. Fil-fatt, din mhix l-ewwel darba li Caritas Malta talbet l-għajnuna tal-poplu Malti u Għawdxi sabiex ikun ġeneruż ma’ popli oħra fil-bżonn. Mill-2022 sa din is-sena, il-Knisja ġabret aktar minn €708,000 f’diversi sejħiet ta’ emerġenza.

B’risposta għall-gwerra fl-Ukrajna fl-2022, il-Maltin u l-Għawdxin taw €358,300 lill-poplu Ukren biex jintefqu fuq bżonnijiet bażiċi tal-ħajja. Sena wara, fl-2023, meta t-Turkija u s-Sirja ntlaqtu minn terremot qawwi, inġabret is-somma ta’ €285,650, waqt li f’dik is-sena wkoll, għat-terremot fil-Marokk u l-Libja nġabru €33,000 f’donazzjonijiet.