Futbol Sport

Emilio De Leo pożittiv dwar il-possibiltajiet ta’ Malta iżda kawt fid-diskors tiegħu

Il-kowċ ta' Malta Emilio De Leo
Il-kowċ ta' Malta Emilio De Leo

Lejlet il-partita mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni li Malta jmissha tilgħab kontra l-Litwanja, għada fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali, bħal ma jiġri dejjem il-kowċ nazzjonali Malti, Emilio De Leo indirizza l-ġurnalisti lokali u dawk internazzjonali, akkumpanjat mir-rebbieħ tal-plejer tas-sena tal-MFA, Alex Satariano li għall-partita ta’ għada mistenni jkun inkluż fl-iskwadra tal-ewwel ħdax ta’ Malta.

De Leo faħħar lil-Litwanja, fejn iddeskrivihom bħala “tim tajjeb ħafna u kompatt” b’koeżjoni notevoli bejn il-plejers u l-kowċ. Waqt li għamel analiżi fuq il-prestazzjonijiet reċenti tagħhom, huwa osserva, li kellhom bidu tas-sena li kienet waħda pożittiva.

Fl-ewwel żewġ partiti tal-grupp, il-Litwani ġarbu telfa ta’ 1-0 barra minn dahrom kontra l-Polonja u temmew fi draw ta’ 2-2 kontra l-Finlandja f’pajjiżhom. Dawn ir-riżultati jistgħu jitqablu faċilment ma’ dawk miksuba minn Malta, lejn l-aħħar ta’ Marzu li għadda meta kontra l-Polonja, f’Varsavja, tlifna 2-0, iżda qabel dik il-partita kelna prestazzjoni tajba ferm fejn kien jistħoqilna li tal-anqas niksbu draw jekk mhux rebħa, kontra l-Finlandja, madankollu konna sfortunati li tlifna 1-0 f’Ta’Qali.

F’dawn il-jiem ta’ taħriġ f’Ta’Qali, spikkat l-atmosfera pożittiva u mimlija b’entużjażmu mil-plejers Maltin.

De Leo qal li anke jekk, fuq il-karta, il-partita kontra l-Litwanja taf tidher li hija l-aktar logħba faċli fil-grupp tagħna, il-pressjoni tibqa’ l-istess bħal fi kwalunkwe logħba oħra.

Waqt li saħaq fuq l-importanza tal-approċċ tat-tim tiegħu f’din il-partita, De Leo enfasizza fuq il-ħtieġa ta’ sforz minn kulħadd fit-tim u sabiex kull membru fl-iskwadra jiġbed ħabel wieħed.

Tenna li “aħna dejjem inġorru l-ħtieġa u x-xewqa li nirbħu. Dan mhux se jinbidel. Irridu nirrispettaw lill-avversarji tagħna f’kull ħin iżda nkomplu nemmnu fil-plejers tagħna stess—plejers li rritornaw għad-dmir internazzjonali billi jħaddnu bis-sħiħ il-prinċipji tagħna, kemm fuq il-grawnd kif ukoll barra minnu.”

Meta tkellem mill-aspett tattiku tal-logħba, De Leo rrikonoxxa t-theddida li toħloq id-dixxiplina tal-Litwanja. Hu saħaq li “l-avversarji taghna huma organizzati tajjeb ħafna u ma nistgħux inħalluhom jilagħbu bil-libertà. Irridu nżommu distanzi qosra fiż-żoni kollha tal-grawnd. Jekk jirnexxielna nagħmlu dan, jista’ jkollna logħba b’saħħitha.”

Mistoqsi dwar il-fatt li Malta għad trid tiskorja l-ewwel gowl tagħha wara l-ewwel żewġ partiti, il-kowċ Taljan tkellem b’ton ta’ ottimiżmu. “Morna qrib li niskorjaw kontra l-Polonja u kelna diversi ċansijiet ta’ skor kontra l-Finlandja. Dak li neħtieġu hu li nirriproduċu l-istess stil ta’ futbol u nżommu dak l-approċċ.”

Meta mistoqsi dwar Jodi Jones, De Leo rrikonoxxa l-inkonsistenza tal-plejer fil-passat fuq livell internazzjonali iżda faħħar l-attitudni attwali tiegħu.

Jodi Jones se jkun qed jerġa’ jirritorna ma’ Malta, wara diversi xhur assenti. L-aħħar dehra tiegħu ma’ Malta tmur lura għal Novembru 2023, meta Malta lagħbna f’Wembley Stadium kontra l-Ingilterra.

“Dejjem konna nafu li Jodi għandu talent, iżda kien nieqes mil-kontinwità fl-iskwadra nazzjonali. Huwa wera motivazzjoni kbira u rieda li jaħdem. Huwa għalhekk li ġie aċċettat fl-iskwadra bħalma ġie aċċettat Ilyas Chouaref.”

L-attakkant Alex Satariano, li jingħaqad mal-iskwadra wara staġun domestiku ta’ suċċess, tenna l-istess diskors tal-kowċ nazzjonali.

“Iva, kien staġun tajjeb ħafna għalija u jien grat għar-rikonoxximent. Iżda issa qegħdin f’jiem ta’ impenji internazzjonali ma’ Malta, li huwa livell differenti għalkollox. Attwalment din għandha tkun il-konċentrazzjoni l-aktar importanti tagħna lkoll,” saħaq Satariano.

Meta kkummenta dwar l-idea li l-logħbiet internazzjonali jipprovdu pjattaforma għall-plejers biex jimpressjonaw lill-iscouts, partikolarment minħabba l-ambizzjoni ta’ plejers bħal Satariano, u oħrajn bħalu, li jkunu trasferiti barra minn pajjiżna, Satariano baqa’ b’saqajh mal-art.

Il-Plejer tas-Sena tal-MFA, fit-tmiem dan l-istaġun, qal, “dan mhux f’moħħi. Se nagħti kollox għat-tim, ikun xi jkun.”

Il-konferenza stampa semmiet ukoll id-diżappunt li tliet plejers ġew sospiżi għall-logħba li ġejja. De Leo kien sinċier:

“Ikun qed niġdeb jekk ngħid li din mhijiex daqqa ta’ ħarta. Imma rridu nimxu ‘l quddiem minnha. Diġà ħdimna fuq alternattivi, u dan għandu jitqies bħala ċans biex niskopru kwalità ġdida fl-iskwadra.”

Il-logħba bejn Malta u l-Litwanja tintlagħab għada, is-Sibt, 7 ta’ Ġunju fis-18:00, fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali.