Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Burraxka ġdida fuq l-ibliet bħala ‘parti mit-tpattija ta’ Putin’

Il-qawwiet tar-Russja, fl-aħħar sigħat, wettqu mewġa ‘bla preċedent’ ta’ attakki bil-missili u d-drones fuq Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna u bliet oħrajn ta’ dan il-pajjiż….Attakki li fihom inqatlu numru ta’ ċivili b’għexieren oħra jisfaw midruba u meta r-Russja qed taħseb ukoll biex tirranka l-offensiva fuq l-Ukrajna minkejja l-aħħar diskussjonijiet bejn il-President Russu, Vladimir Putin, u l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, li qed iservi bħala medjatur fil-konflitt.

L-aħħar attakki segwew it-theddid ta’ Putin li l-Ukrajna għandha tħallas prezz qares għas-suċċess tal-attakki li l-Ukreni kienu wettqu, jiem ilu, fuq il-bażijiet tal-qawwiet tal-ajru fir-Russja…. Attakki li fihom inqerdu l-għexieren tal-bombers bil-kapaċità li jġorru l-armamenti nukleari u li kienu stazzjonati fil-bażijiet ta’ Irkutsk u Murmansk.

Il-missili u d-drones tar-Russi, fl-aħħar sigħat, laqtu diversi zoni ċentrali ta’ Kiev minbarra l-belt ta’ Lutsk u r-reġjun ta’ Ternopil, lejn il-majjistral tal-Ukrajna.

L-uffiċjali f’Moska, sadanittant, ikkonfermaw li l-attakki saru ‘bi tweġiba għall-aggressjoni tal-Ukrajna’ waqt li rreferew ukoll għall-azzjonijiet tal-Ukreni bħala ‘aġir terroristiku’. Fl-istess ħin, ir-Russi qalu li l-qawwiet tagħhom ikkonċentraw l-attakki fuq is-siti militari fid-diversi bnadi tal-Ukrajna.

L-aħħar attakki fuq l-Ukrajna tmexxew bi preċiżjoni kbira mill-qawwiet tal-art, tal-ajru u tal-baħar u l-President Ukren, Volodymyr Zelensky, itenni li din l-aggressjoni qalila min-naħa tal-Kremlin għandha tqanqal reazzjoni xierqa mill-Alleati ta’ pajjiżu.

‘Dan hu l-mument preċiż meta l-Istati Uniti, l-Ewropa u pajjiżi oħra madwar id-dinja għandhom jiġbu ħabel wieħed biex iwaqqfu din il-gwerra….’, kien il-messaġġ ta’ Zelensky fuq is-sit tal-media soċjali ‘X’….Hu sostna li dawn il-pajjiżi jeħtieġu jżidu l-pressjoni fuq ir-Russja għaliex Vladimir Putin jifhem biss l-importanza tal-forza f’dawn iċ-ċirkustanzi.

Sadanitant, Zelensky anki deher li qed jikkritika lill-President Trump għall-fatt li mhux iwettaq xi pressjoni ‘straordinarja’ fuq ir-Russja biex twaqqaf il-gwerra — u meta mhemm l-ebda dubju li r-Russi huma l-aggressuri ewlenin f’dan il-konflitt.

Il-messaġġ tiegħu saħaq li ‘persuna kapaċi tispiċċa kompliċi jekk ma teżerċitax id-dritt biex twettaq il-pressjoni fuq pajjiż aggressur li l-azzjonijiet tiegħu qegħdin jissarrfu f’aktar imwiet ta’ innoċenti’.

Fl-aħħar sigħat,  intant, sar magħruf  li l-qawwiet tar-Russja sparaw ‘il fuq minn 400 drone u għexieren tal-missili lejn Kiev u d-diversi bnadi tal-Ukrajna. U l-President Zelensky ma eskludiex li l-vittmi ta’ dawn l-azzjonijiet għandhom jiżdiedu aktar ma jgħaddi l-ħin.

Is-Sindku ta’ Kiev, Vitali Klitschko, ukoll qal li l-vittmi tar-rejds tal-ajru kellhom jiżdiedu – bid-drones tar-Russi anki jwettqu l-ħsarat fin-network tal-ferroviji u l-metro tal-kapitali Ukrena.

Dan waqt li għexieren tal-eluf taċ-ċivili fi Kiev kellhom idumu s-sigħat fix-xelters ta’ taħt l-art waqt li kienu għaddejjin l-attakki.

Intant, l-allert għar-rejds mill-ajru ukoll baqa’ effettiv għal sigħat mhux biss fi Kiev iżda anki fl-ibliet Ukreni ta’ Kharkiv, Sumy u Luhansk .