Il-poplu Lebaniż qed ifakkar l-avveniment ta’ Eid Al Adha – wieħed mill-akbar ċelebrazzjonijiet importanti għall-Islamiċi – taħt sħaba kbira ta’ tensjoni….Dan wara li l-ajruplani tal-gwerra ta’ Iżrael, nhar il-Ħamis, wettqu sensiela ta’ attakki ġodda fuq is-subborgi lejn in-nofsinar ta’ Bejrut.
U waqt li l-Iżraeljani qalu li l-attakki kienu mirati għall-fabbriki tad-drones, il-President Lebaniż, Joseph Aoun, sostna li ‘l-Iżraeljani wettqu l-attakki b’abbuż flagranti ta’ ftehim internazzjonli li kien waqqaf il-konflitt ta’ xhur ilu bejn Iżrael u l-grupp Ħeżbollah tal-milizji Xiti.’
Aoun anki kkundanna bla riservi l-azzjonijiet mill-ajru li ‘kienu pjanati’ għal lejliet il-festival reliġjuż u li qanqlu paniku kbir fost il-Lebaniżi
Sadanittant, l-Uffiċċju tal-Koordinatur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libanu enfasizza l-importanza tad-diplomazija waqt li ħeġġeġ biex Iżrael u l-gruppi armati fil-Libanu jevitaw eskalazzjoni perikoluża tas-sitwazzjoni.
L-attakki tal-Ħamis segwew it-twissijiet ta’ Iżrael biex ir-residenti fis-subborgi partikulari ta’ Bejrut jevakwaw mill-inħawi fejn hemm ukoll preżenza sostanzjali tax-milizji tal-Ħeżbollah.
Fl-istess ħin, ma jidhirx li rriżultaw il-vittmi ċivili mill-attakki fuq l-allegati siti għall-produzzjoni tad-drones….Siti li, fi kliem l-Iżraeljani, jinkludu ‘faċilitajiet taħt l-art fejn il-Ħeżbollah qed jipproduċu l-eluf tad-drones iffinanzjati mit-terroristi fl-Iran’.
Sadanittant, wieħed irid jara kif l-azzjonijiet ta’ Iżrael għandhom jaffeattwaw il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied mal-Ħeżbollah li ilu fis-seħħ għal dawn l-aħħar sitt xhur.
Dan waqt li l-Prim Ministru tal-Libanu, Nawaf Salam, qal li l-aħħar attakki tal-Iżraeljani fuq Bejrut qed jitqiesu bħala l-bidu potenzjali ta’ kampanja ostili u sistematika kontra l-istabbilità u s-sigurtà tal-Libanu…Pajjiż li qed iħejji wkoll għall-istaġun tat-turiżmu fi żmien ta’ inċertezza kbira.
//= $special ?>