Il-midja Laburista spiċċat tivvinta, u timmaġina dak li suppost tkun qalet midja oħra, fi sforz biex kuljum tipprova toħloq storja dwar il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola.
F’tentattiv iddisprat biex iħammeġ lil Metsola, il-midja Laburista rreferiet għal rapport tal-Kummissjoni Ewropea li sab li n-nisa qed isibu aktar sfidi mis-soltu fl-elezzjonijiet, fosthom għax jisfaw fil-mira b’mod sproporzjonat ta’ theddid online, u li qed iwassal biex inqas nisa jiġu eletti. Xi ħaġa li kemm-il darba rreferiet għaliha l-istess Roberta Metsola fejn tkellmet dwar il-bzonn li jkun aktar possibbli li nisa jikkontestaw l-elezzjonijiet u jiġu eletti fl-elezzjonijiet bl-għazla tal-elettorat.
Iżda quddiem dawn l-isfidi, il-midja Laburista għażlet li tipponta s-swaba lejn l-MEP tal-Partit Nazzjonalista u provaw jimplikaw li l-isfidi li qed jiffaċċjaw in-nies huma minħabba Roberta Metsola. Huma naqsu milli jgħidu li għall-ewwel darba f’70 sena, it-tmexxija politika tal-Parlament Ewropew hi bbilanċjata bejn irġiel u nisa, wara li Metsola kisret ċiklu li jkun hemm mara fit-tmun tal-Parlament Ewropew wara kull 20 sena. Dan wara li kienet l-ewwel mara li ġiet eletta għat-tieni darba bħala President tal-Parlament Ewropew, meta kisbet 90% tal-voti tal-MEPs f’Lulju li għadda. Dakinhar, l-MEPs Laburisti Alex Agius Saliba u Daniel Attard, li tant jgħidu li jġibu lil Malta l-ewwel, għażlu li jibqgħu bilqiegħda u ma vvutawx, waqt li sħabhom is-Soċjalisti kienu qed jiċċelebraw il-ħatra storika ta’ Metsola.
Il-midja Laburista naqset milli tgħid ukoll li fl-elezzjoni ta’ sena ilu, il-Partit Laburista ma eleġġiex mara waħda bħala MEP, b’differenza mill-Partit Nazzjonalista, li mhux talli eleġġa mara, iżda kienet l-aktar kandidat li qatt kisbet voti f’kemm ilhom isiru l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew b’total ta’ kważi 90 elf vot imorru għal Roberta Metsola.
Metsola fl-aħħar ġimgħat irrimarkat li l-miżura li mbotta l-Partit Laburista rriżultat fl-inqas rata ta’ nisa li ġew eletti, billi l-mekkaniżmu tal-ġeneru kien għodda biex iktar irġiel jiġu eletti, u iktar nisa jkollhom jitilgħu fil-Parlament bl-għajnuna tal-istess mekkaniżmu.
//= $special ?>