Waqt il-konferenza “L-istat tan-nazzjon”, il-Kap tal-PN Bernard Grech jgħid li l-politika trid iddur mal-bniedem
F’diskors li għamel fil-Palazz tal-Verdala waqt il-ħames edizzjoni tal-konferenza nazzjonali “L-istat tan-nazzjon” illum waranofsinhar, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sejjaħ għal bidla fundamentali fil-mod kif issir il-politika f’Malta. “Il-politika trid tqiegħed il-bniedem fiċ-ċentru u tuża l-istatistika biss biex ittejjeb il-ħajjiet”, qal il-Kap tal-PN.
Fl-indirizz tiegħu wara li ġie ppreżentat l-istħarriġ ta’ din is-sena, Bernard Grech qal li l-istħarriġ li għamel il-Professur Vincent Marmarà jagħti stampa ċara ta’ soċjetà b’kuntrasti profondi: filwaqt li 72% jgħidu li huma kuntenti b’ħajjithom, nofs il-popolazzjoni tgħix minn ġurnata għall-oħra.
“Ekonomija tajba tkun qed tfalli jekk ma tkunx qed tissarraf f’ħajja aħjar għal kulħadd. Jeħtieġ politika li tagħraf l-isfidi u l-ħtiġijiet reali tal-familji Maltin u Għawdxin” kompla l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Bernard Grech enfasizza l-importanza tal-familja bħala l-ankra tan-nazzjon, iżda wissa li l-piżijiet ekonomiċi u l-inugwaljanzi soċjali qed idgħajfu r-rwol tagħha. Huwa għamel sejħa għal politika li tagħti aktar ħin lill-ġenituri u tappoġġa aktar komunitajiet bħal ċentri sportivi, każini tal-baned u għaqdiet volontarji li għal ħafna snin kienu l-qalba soċjali ta’ Malta.
Huwa inkwetanti wkoll li studju riċenti wera kif għandna sitwazzjoni ta’ żgħażagħ li qed jitilqu minn pajjiżna. Skont ċifri tal-gvern stess, fl-2023 kellna 19-il żagħżugħ jew żagħżugħa kuljum li telqu minn Malta. Bernard Grech qal li issa dan l-istħarriġ qed jurina wkoll li ftit inqas minn kwart tan-nies jixtiequ li kieku twieldu f’pajjiż ieħor, waqt li dan jitla’ għal wieħed minn kull tlieta għal dawk ta’ bejn is-36 u l-45 sena. “Jista’ jkun allura li għandna numru akbar ta’ nies li qed jitilfu t-tama fil-pajjiż tagħhom u mhux qed jaraw lil Malta bħala l-pajjiż fejn jilħqu l-milja tagħhom,” qal Bernard Grech.
Il-Kap tal-PN irrefera wkoll għal dak li ħareġ mill-preżentazzjoni fejn tidħol il-politika. Hu qal li hu ta’ tħassib li aktar minn terz tal-Maltin ma jarawx il-politika bħala parti importanti minn ħajjithom meta d-deċiżjonijiet politiċi jeffettwaw il-ħajja li jgħixu.
Hu ddeskriva bħala pożittiv il-fatt li 42% ta’ dawk li wieġbu l-istħarriġ qalu li jħossuhom li jistgħu jivvutaw għal partit ieħor. Dan, qal Bernard Grech, mhux sinjal ta’ indeċiżjoni imma ta’ maturità politika, sinjal li l-poplu qed jistenna xi ħaġa aħjar. U aħna rridu nkunu l-katalisti ta’ din il-bidla.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm billi saħaq fuq il-bżonn ta’ politika li tagħti spazju reali liż-żgħażagħ, politika li tfittex li tħaddem il-ġustizzja f’kull qasam tal-ħajja, u li tagħraf li kull persuna għandha l-valur tagħha.
“Aħna m’aħniex numri. Il-politika għandha tagħti dinjità lil kull bniedem, hu min hu,” temm jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Il-konferenza saret taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono u din is-sena ffukat fuq it-tema tal-edukazzjoni fis-sens wiesgħa tagħha. Diversi panels iffurmati minn esperti fis-settur tal-edukazjzoni analizzaw x-xejriet li ħarġu mill-istħarriġ. Fost dawk li ħadu sehem fid-diskussjoni kien hemm ukoll ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’ Justin Schembri. Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Mestola.
//= $special ?>