Lokali Saħħa

Il-poplu fil-kju u Abela jberbaq bl-addoċċ fis-saħħa – PN

Aktar ħela fis-saħħa; kriżi dejjem tikber f’qasam kruċjali

Robert Abela u u l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana għandhom iwieġbu minnufih għat-tberbiq bl-addoċċ f’dak li suppost hu l-qasam tas-saħħa.

Waqt li mijiet ta’ pazjenti qed jistennew fil-kju biex jinqdew għal xi servizz, jew jinsabu fuq il-waiting lists, waqt li eluf qed joħorġu l-flus minn bwiethom għall-mediċini u waqt li bosta qed jittallbu għal servizzi mediċi, il-Gvern qed jippermetti t-tberbiq bla rażan.

Fi stqarrija, ix-Shadow Minister għas-Saħħa Adrian Delia u x-Shadow Minister għall-Kura Primarja u s-Saħħa Mentali Ian Vassallo qalu li issa sirna nafu li l-Kap Eżekuttiv ta’ Monte Karmeli Roseanne Camilleri ġiet sospiża minħabba tberbiq kbir ta’ fondi pubbliċi f’żewġ ċentri tas-saħħa meta kienet Kap Eżekuttiv tal-qasam tal-Kura tas-Saħħa Primarja.

Taħt it-tmexxija tagħha, xogħlijiet fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi li suppost swew €56,000 spiċċajna ħallasna għalihom €1,000,000 u ta’ xogħol f’Birkirkara li kien stmat li suppost jiswa €264,000 ħallasna d-doppju. Investigazzjoni li saret sabet ukoll li d-dipartiment ta diversi direct orders lil kuntrattur wieħed minkejja li suppost inħarġu t-tenders.

Sadanittant ftit tax-xhur ilu l-Ministru tas-Saħħa qalilna li m’hemmx flus għal Ċentru tas-Saħħa ġdid fit-Tramuntana ta’ Malta.

Il-Gvern tilef kull kontroll fuq fejn qed jintefqu l-flus, u għal darba oħra ta’ dan kollu qed iħallas il-poplu Malti.

Abela u Caruana għandhom l-obbligu li jagħtu spjegazzjoni lill-poplu.