Jean Claude Cauchi, ta’ 31 sena minn Ħal Qormi, ġie mmultat €12,700 u kundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin, wara li nstab li saq bla liċenzja għall-ħames darba konsekuttiva.
Il-Qorti semgħet kif meta l-Pulizija ppruvaw iwaqqfuh, Cauchi baqa’ jsuq u mar għand ommu, fejn aktar tard irreżista l-arrest u weġġa’ ħafif wieħed mill-pulizija. Barra minn hekk, kien qed isuq mingħajr liċenzja u mingħajr assigurazzjoni.
Cauchi ammetta l-akkużi kollha, inkluż li huwa riċediv (persuna li terġa’ tagħmel reati wara sentenza). Id-difiża, immexxija mill-Avukat Arthur Azzopardi, spjegat li l-akkużat ma jafx jaqra u jikteb, u għalkemm ipprova jagħmel it-test tat-teorija bosta drabi, ma għaddiex.
Il-Maġistrat Rachel Montebello kkundannatu għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin, imponietlu multa ta’ €12,700, skwalifikatu milli jikseb liċenzja tas-sewqan għal sentejn.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Agius.
//= $special ?>