Ambjent Lokali

Ir-reviżjoni tal-Pjan Lokali ta’ Villa Rosa tonqos milli taħbi t-tentattiv bla mistħija tal-Gvern

Disa’ għaqdiet ikkundannaw bil-qawwa r-reviżjoni proposta tal-Pjan Lokali ta’ Villa Rosa, li mhi xejn għajr pjan ta’ azzjoni għal żvilupp massiċċ fuq skala kbira li qed jiġi ppreżentat bħala eżerċizzju tal-ippjanar.

Fi stqarrija, l-għaqdiet qalu li meta wieħed jgħarbel lil hinn mill-buzzwords tas-soltu, huwa evidenti li l-pjan iservi skop wieħed biss: li jiffaċilita żidiet massivi fl-għoli tal-bini u l-volumi għall-gwadann privat tal-iżviluppatur.

Notevoli fost id-dikjarazzjonijiet bla sens tagħha, ir-reviżjoni ssostni li “…qed tiżgura li kwalunkwe dell li jirriżulta jkun miexi u temporanju,” — b’dan, il-PA qed tirrikorri b’mod patetiku għal dak li hu ovvju, jiġifieri li kull dell jimxi, biex tiġġustifika d-dellijiet massivi li se jkunu kkawżati mill-mostrożità ta’ Tal-Franċiż.

Skont il-pjan rivedut, binjiet li jaslu sa 39 sular se jkunu qed jidfnu l-Bajja ta’ San Ġorġ, flimkien ma’ żewġ torrijiet addizzjonali ta’ 22 sular. L-impronta tal-iżvilupp se tikber għal madwar 146,500 metru kwadru — intensifikazzjoni estrema li se tibdel b’mod irriversibbli l-karattru taz-zona u tħalli impatt serju fuq il-komunitajiet fil-qrib, l-infrastruttura pubblika, u s-siti tal-wirt naturali.

Skont il-Pjan Lokali attwali, l-iżvilupp fuq is-sit huwa limitat għal sitta sa seba’ sulari.

Ir-reviżjoni ma toffri l-ebda ġustifikazzjoni kredibbli għal bidliet radikali bħal dawn. M’hemm l-ebda evidenza ta’ nuqqas ta’ turiżmu f’Malta u lanqas data li tissuġġerixxi li l-lukandi għoljin se jattiraw “turiżmu ta’ kwalità għolja.” Ma ġew ippreżentati l-ebda valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali, soċjali jew ekonomiċi. Ir-reviżjoni tal-pjan lokali tonqos milli tispjega min talab dawn il-bidliet, x’benefiċċju pubbliku jservu, jew min se jkun qed iġorr l-ispiża tal-bidliet meħtieġa fl-infrastruttura.

Kif kien mistenni, dawn il-parametri l-ġodda jirriflettu l-proġett massiv propost minn Tal-Franċiż fl-applikazzjoni PA/07254/22. Huwa kemm allarmanti kif ukoll ta’ theddida għad-demokrazija li l-interessi tan-negozju, li joperaw wara x-xena, qed jiddettaw b’mod effettiv il-liġijiet u r-regolamenti ta’ pajjiżna.

Barra minn hekk, l-hekk imsejjaħ proċess ta’ “konsultazzjoni pubblika” li qed jitwettaq b’rabta ma’ din ir-reviżjoni mhuwa xejn inqas minn farsa. Minkejja l-oppożizzjoni kbira għall-bidliet proposti — inklużi 3,047 oġġezzjoni sottomessi permezz tal-pjattaforma online tagħna — il-PA bla mistħija ta’ xejn sostniet li 43 oġġezzjoni biss ġew riċevuti matul l-ewwel fażi ta’ konsultazzjoni.

Il-Pjan Lokali rivedut jhedded direttament lil Villa Rosa, li hija skedata Grad 1 — u li b’mod ironiku, huwa s-sit li għalih hija msemmija r-reviżjoni tal-Pjan Lokali — l-Għar ta’ Ħarq Ħammiem (protezzjoni ta’ Livell 1), u z-Zoni tal-madwar ta’ Importanza Ekoloġika.

L-affermazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li dan il-proġett se jtejjeb l-ispazju pubbliku hija ridikola. Kwalunkwe zona miftuħa introdotta se tiġi midfuna u mitfugħa f’dell minn għadd ta’ torrijiet massiċċi, filwaqt li ż-żieda fit-traffiku, il-konġestjoni u l-volumi ta’ turisti se jkomplu jgħarrqu zona li diġà ma tiflaħx għal iktar — fejn id-drenaġġ diġà qed ifur fil-bajja. Il-lokalitajiet ta’ Pembroke, San Ġiljan u s-Swieqi se jbatu konsegwenzi koroh ħafna.

Jekk jiġi approvat, dan il-pjan se jeqred b’mod permanenti wieħed mill-pajsaġġi kostali ta’ Malta, b’konsegwenzi devastanti għall-wirt kulturali u ambjentali u l-kwalità tal-ħajja tagħna.

L-għaqdiet li ħarġu din l-istqarrija huma BirdLife Malta, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Għawdix, il-Moviment Graffitti, Nature Trust Malta, Ramblers Association of Malta, u The Archaeological Society Malta.