Ambjent Lokali

“Irridu nirrevedu l-Green Deal biex tieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-Gżejjer Ewropej” – l-MEP Peter Agius

F’għeluq is-sena mill-Elezzjoni Ewropea fejn kien elett l-MEP Peter Agius, ġie intervistat b’mod esklussiv mir-rivista speċjalizzata Revolve fejn appella bil-qawwa li l-Unjoni Ewropea trid terġa’ teżamina mill-ġdid il-politika tagħha dwar il-klima u tiżgura trattament ġust għall-gżejjer fil-liġijiet tal-Green Deal, fosthom ir-regolamenti dwar l-Emissions Trading Scheme (ETS).

Fl-intervista mal-ġurnalista Suzan Naz Uzel, Peter Agius enfasizza l-impatt sproporzjonat li l-policies tal-Green Deal għandhom fuq territorji insulari bħal Malta u Għawdex, li huma partikolarment vulnerabbli kemm għall-bidla fil-klima kif ukoll għall-iżbilanċi ekonomiċi kkawżati minn leġiżlazzjoni uniformi tal-UE.

“Bħala gżejjer, aħna fost l-iktar milquta mill-bidla fil-klima, u l-istess ħin l-iktar esposti b’mod sproporzjonat għall-pressjonijiet tas-suq globali,” qal Agius. “Ma nistgħux nitqiegħdu fl-istess keffa bħall-ibliet il-kbar u l-pajjiżi tal-Ewropa kontinentali.”

Agius saħaq li l-politika bħat-taxxa fuq il-Vapuri tal-ETS, għalkemm intenzjonati b’mod tajjeb, jistgħu jheddu l-kompetittività tal-ekonomiji tal-gżejjer. Malta, pereżempju, diġà qed tiffaċċja sfidi hekk kif kumpaniji tat-tbaħħir qed jużaw aktar il-portijiet barra l-UE fl-Afrika ta’ Fuq biex jevitaw l-ispejjeż tal-ETS. Din il-bidla mhux biss qed tnaqqas ir-rwol ta’ Malta u l-freeport Malti bħala ċentru ta’ transshipment, iżda wkoll qed tolqot il-katini tal-provvista lokali u żżid il-prezzijiet għall-konsumaturi.

L-MEP Malti wissa’ li dawn l-iżviluppi jmorru kontra l-prinċipju Ewropew ta’ kontinwità territorjali, li għandu l-għan li jappoġġja lill-komunitajiet insulari biex jegħlbu l-iżvantaġġi naturali u loġistiċi tagħhom. “Minflok regoli one-size-fits-all, l-UE għandha tadotta politika bbażata fuq l-informazzjoni ġejja minn stima sewwa tal-impatt u tkun sensittiva għall-kuntest speċjali tal-gżejjer,”

Agius appella għal iktar unità politika fost il-politiċi ġejjin mill-gżejjer u ħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex timplimenta stima tal-impatt speċifiku għall-gżejjer għal kull leġiżlazzjoni relatata mal-klima u t-trasport. Huwa wkoll ippropona li d-dħul mill-ETS jiġi reinvestit f’infrastruttura sostenibbli u proġetti ta’ enerġija rinovabbli fil-gżejjer – mhux bħala alternattiva, li jkun kumplimentari għal regolamenti aħjar u inklussivi.

“L-investiment mill-ġdid hu tajjeb, iżda ma ssolvix l-iżbilanċ sistemiku,” qal Agius. “Is-soluzzjoni vera tinsab fit-tfassil ta’ politika aħjar mill-bidu nett – biċ-ċirkostanzi tal-ħajja fuq il-gżejjer bħala ċ-ċentru tal-attenzjoni.”

L-intervista kienet parti mis-sensiela ta’ REVOLVE dwar l-isfidi tal-klima u l-mobbilità, li toffri pjattaforma għal diskussjoni teknika b’dimensjoni politika dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea. L-intervista sħiħa mal-MEP Peter Agius tista’ ssegwiha hawnhekk: https://www.youtube.com/watch?v=6RmUiEk25Ps