Il-Qorti tal-Appell illum ikkonfermat is-sentenza mogħtija mit-Tribunal Industrijali f’Settembru li għadda fil-konfront tal-Eks Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) Joseph Cuschieri, li nstab ħati li wettaq inġustizzja ma’ ħaddiem u kissirlu karriera.
Cuschieri – li wara li kien ġie sospiż minn CEO tal-MFSA kaġun ta’ sensiela ta’ abbużi u rregolaritajiet li seħħew taħt it-tmexxija tiegħu, inħatar minn Robert Abela CEO ta’ Project Green – instab ħati li meta kien imexxi l-MFSA kkawża tbatija lil Reuben Fenech u lill-familja tiegħu meta keċċieh mix-xogħol b’mod illegali u inġust.
Bid-deċiżjoni tal-lum, Cuschieri – li jgawdi minn paga ta’ iktar minn €86,000 – instab ħati ta’ abbuż ta’ poter, bil-Qorti tgħid li jidher li kellu problema biex jimxi mar-regolamenti stabbiliti tal-organizzazzjoni li kien qed imexxi.
Fi stqarrija, ix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia, ix-Shadow Minister għall-Finanzi Graham Bencini, ix-Shadow Minister għall-Ambjent Rebekah Borg, u x-Shadow Minister għaż-Żgħażagħ u l-Ħolqien ta’ Spazji Ġodda Bernice Bonello, qalu li d-deċiżjoni bi kliem iebes ħafna, il-Qorti kkundannat l-mod illegali li bih mexa Joseph Cuschieri fil-konfront ta’ Fenech, li kien Chief Operations Officer tal-MFSA meta seħħ il-każ. Il-Qorti ikkonfermat dak li qal it-Tribunal, jiġifieri li l-impjegat ġie mkeċċi proprju għax għamel xogħlu kif suppost u waqaf lil Joseph Cuschieri biex ma jħallihx jikser ir-regoli u l-liġijiet, inkluż bil-ħruġ ta’ diversi direct orders. Fil-proċeduri fil-Qorti Cuschieri stess ammetta li ta konsulenzi u kuntratti mingħajr ma mexa mar-regolari jew bla ma talab awtorizzazzjoni.
Biex issir ġustizzja, il-Qorti ordnat li l-MFSA tħallas is-somma rekord ta’ €413,688 bħala kumpens tal-introjtu li tilef dan l-impjegat matul is-snin li fihom dam jistenna din id-deċiżjoni u bħala danni morali. Ordnat ukoll li l-impjegat li sofra din l-inġustizzja, jirritorna għax-xogħol li kellu fi ħdan l-MFSA.
Wara din is-sentenza li damet sitt snin biex ingħatat, il-pożizzjoni ta’ Joseph Cuschieri bħala CEO ta’ Project Green ma għadhiex tenibbli. Il-Partit Nazzjonalista jtenni s-sejħa li kien diġà għamel meta ħarġet is-sentenza tat-Tribunal Industrijali li l-Ministru Miriam Dalli għandha immedjatament tneħħi lil Cuschieri u fin-nuqqas ta’ dan, il-Prim Ministru Robert Abela għandu jneħħih hu.
Jekk ma jitneħħiex, Robert Abela jkun qiegħed ikompli jkabbar il-kultura ta’ xejn mhu xejn fil-pajjiż. Ikun qed jippremja lil min jagħmel il-ħażen u jikser il-liġi u jfarrak lin-nies.
L-MFSA għandha wkoll minnufih tieħu l-passi legali meħtieġa biex id-danni li l-Qorti ordnat li jitħallsu lill-impjegat, ma jitħallsux mit-taxxi tal-poplu, imma jitħallsu minn Joseph Cuschieri li wettaq din l-illegalità b’mod lampanti u sfaċċat.
Il-Partit Nazzjonalista huwa tal-fehma li l-MFSA ma tistax ma tiħux dawn il-passi, u ma tistax tibqa’ siekta quddiem inġustizzja bħal din. Ir-reputazzjoni ta’ Malta fis-settur finanzjarju diġà ħadet daqqiet kbar u ma tiflaħx għal iktar skandli.
Fissru li l-Partit Nazzjonalista jfakkar li investigazzjoni tal-MFSA stess kienet sabet lil Cuschieri ħati ta’ ksur tal-etika u anke tal-kodiċi ta’ kondotta tal-Bank Ċentrali Ewropew meta vvjaġġa bl-ispejjeż kollha mħallsa lejn Las Vegas ma’ Yorgen Fenech, li huwa mixli b’kompliċità fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Cuschieri kien kostrett jirriżenja mill-kariga tiegħu mar-regolatur finanzjarju wara li ġie sospiż minħabba dawn ir-rivelazzjonijiet.
//= $special ?>