Lokali

L-Istat tan-Nazzjon: 75% lesti jivvotaw iżda qed jintilef l-interess fil-politika

L-ikbar sors popolari għall-informazzjoni jibqa’ t-televiżjoni b’47% – b’Facebook eżatt wara.

Dawn l-istatistiċi, fost l-oħrajn, ħarġu minn kampjuni ta’ surveys li saru għall-Istat tan-Nazzjon ta’ din is-sena – fejn il-Professur Vincent Marmara spjega li t-tema priċipali kienet l-edukazzjoni. L-istħarriġ wera li l-aktar sors popolari għall-informazzjoni baqa’ t-televizjoni. U l-gazzetta stampata hija l-inqas sors li l-Maltin jirrikorru għalih.

Milll-istħarriġ ħareġ kif hemm diskrepanzi fejn jidħlu l-etajiet, b’Instagram u Facebook jibqgħu l-iktar sors użat fost iż-żgħażagħ, u TikTok fit-tielet post qabel it-televiżjoni. L-aktar pjattaforma ta’ midja soċjali użata mill-Maltin hi Facebook – bi 78%.

Fost ir-riżultati li ħarġu deher biċ-ċar kif il-familja għadha parti integrali tas-soċjetà Maltija, b’76% jisħqu li qabel deċiżjoni importanti huma jikkunsidraw il-qagħa familjari tagħhom. Minn aspett reliġjuż, 91% tal-Maltin saħqu li jemmnu f’Alla, b’5% biss jgħidu li ma jemmnu b’xejn. Madanakollu 58% huma dawk li jqisu r-reliġjon bħala fattur importanti fil-ħajja tagħhom. Fost iż-żgħażagħ però, 1 minn 5 biss iqisu r-reliġjon bħala fattur importanti fil-ħajja tagħhom.

Rigward il-Kultura u l-lingwa Maltija, 75% tal-poplu juża l-Malti bħala l-lingwa primarja. Bil-Festa Maltija tibqa’ identifikata mill-poplu bħala l-iktar aspett importanti tal-kultura tagħna.

Min naħa l-oħra, 80% saħqu li jidentifikaw ma’ Partit, però 31% biss huma dawk li jagħtu importanza kbira lill-politika. 64% qalu li dejjem ivvutaw lill-istess Partit u ser jibqgħu jagħmlu dan, b’42% jgħidu li jbiddlu l-vot tagħhom skont il-ħtiġijiet ta’ dak iż-żmien.

Dan filwaqt li rriżulta li 75% ser joħorġu jivvutaw f’elezzjoni ġenerali. Vincent Marmara spjega kif dawn ir-riżultati ser jiġu analizzati min aspett li jiffoka aktar fuq l-edukazzjoni – hekk kif din hija t-tema prinċipali ta’ din is-sena.

Il-konferenza nfetħet mill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono u l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ligħamlet kollegament virtwali. Hi spjegat kif l-edukazzjoni hija l-għodda li twassal għall-iżvilupp, u l-pedament ta’ kollox. Apparti minn hekk, Metsola appellat ukoll għal bidliet fil-Kostituzzjoni u kif nistgħu naġġornaw il-parti b’referenza għax-xogħol… sabiex tirrifletti l-ħtiġijiet tal-lum.

Ritratti: Martin Agius