Il-President tal-Parlament Ewropew u MEP għal Malta u Għawdex Roberta Metsola qalet li wasal
iż-żmien li pajjiżna jħares lejn il-Kostituzzjoni bħala dokument wieħed “kostituzzjoni ta’ pajjiż, ta’
poplu Indipendenti, modern u Ewropew li jħares ‘il quddiem.”
Hija qalet dan waqt diskors fil-konferenza ‘L-Istat tan-Nazzjon’, organizzata taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, li din is-sena ffukat fuq l-edukazzjoni.
Metsola rreferiet għall-kliem użat fil-Kostituzzjoni dwar l-edukazzjoni u x-xogħol. “Parti mid-Dikjarazzjoni ta’ Prinċipji tirreferi għal “studenti kapaċi u meritevoli.” Parti oħra titkellem dwar, u nerġa’ nikkwota: “Persuni li ma jkunux kapaċi għal xogħol.”
Il-President Metsola qalet li minkejja li meta nkitbu, dawn saru bl-aktar intenzjonijiet tajba, dawn fihom erba’ problemi: “ il-lingwaġġ hu wieħed antikwat; ipoġġi lill-istudenti f’garzelli; il-kliem dwar il-ħaddiema ma jħarisx lejn l-abbiltajiet; u li d-Dikjarazzjoni ma tiħux inkonsiderazzjoni r-realtajiet tal-lum u ta’ għada.”
Appellat biex dan jinbidel, flimkien ma bidliet oħra meħtieġa. “Wisq emendajna bl-iskossi tul is-snin – aktar minn 40 darba f’sittin sena! Wasal iż-żmien li nħarsu lejn il-Kostituzzjoni bħala dokument wieħed,” saħqet Metsola.
Roberta Metsola qalet li l-konferenza hija opportunità biex il-poplu jagħmel eżami tal-kuxjenza u li
jkun hemm sejħa għall-bidliet. Hija kompliet li l-edukazzjoni hi fundamentali għall-iżvilupp sħiħ ta’
kull persuna.
Hija qalet li jeħtieġ ikun analiżżat x’inhuma r-realitajiet li għandhom jigwidaw lil Malta dwar
l-edukazzjoni. Tkellmet dwar kif it-teknoloġija qed tbiddel il-ħajja f’kull sens, u rrimarkat li t-tfal u
ż-żgħażagħ tal-lum għandhom opportunità ta’ tagħlim personalizzat biex fi kliemha jkun esperjenza
ta’ gost u kreattività.
“It-teknoloġija hi importanti u essenzjali, imma m’għandhiex tagħlaq lil uliedna fihom infushom, jew
tkun għodda għal short-cuts. Trid tassistihom f’dak li jagħmlu. Għaldaqstant hemm bżonn naraw
lit-tfal aktar barra mill-klassijiet u l-iskejjel – it-tfal ikunu aktar hands on, aktar experiential learning.
B’hekk jiżviluppaw il-ħiliet soċjali wkoll, fi żmien meta hawn min li jibgħat text message hu
importanti milli jitkellem ma’ xi ħadd, u li l-preżenza online qed issir iktar popolari milli wieħed jiltaqa’
wiċċ imb wiċċ.”
Metsola qalet li biex isir dan, jeħtieġ ikun żgurat li t-tfal u ż-żgħażagħ ikunu jafu kif jużaw il-ħin tajjeb: “kif jaħsbu u jaħsbu tajjeb – b’enfasi fuq il-kwalità u l-proċess tal-ħsieb; kif jiffukaw u jirriċerkaw.”
Il-President tal-Parlament Ewropew iffukat fuq l-importanza tat-taħriġ, jiżviluppaw ħsieb kritiku, kif
jaffrontaw l-inċertezza, jikkomunikaw b’mod effettiv, u kif jaħdmu f’tim u f’soċjetà multikulturali, fost oħrajn.
“Jien irrid nara lill-istudenti josservaw, jesperimentaw, jaħsbu u jevalwaw dwar dak li jkunu qed jaraw
u jisimgħu, u mhux jirrepetu dak li semgħu. Dan kollu jwassal biex it-tfal u ż-żgħażagħ isemmgħu
aktar il-vuċi, l-interpretazzjoni, id-dubji, in-nuqqas ta’ qbil, u l-analiżi tagħhom, skont l-età tagħhom,”
sostniet Metsola. Hija saħqet li din ma titlobx biss bidla fil-Kostituzzjoni imma trasformazzjoni
għall-ġid tal-istudenti