minn Joe M. Zahra
L-isptarijiet li nbnew f’pajjiżna wara l-aħħar gwerra dinjija, u wara l-kisba tal-Indipendenza, kollha jġibu l-marka ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti. L-Isptar ta’ Għawdex kien proġett li nbeda taħt Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Ġorġ Borġ Olivier fl-aħħar tas-snin sittin tas-seklu l-ieħor u li tkompla mill-Gvern ta’ Mintoff anki jekk iċċekken u xorta ġie jiswa iktar!
L-Isptar Mater Dei nbena minn Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Eddie Fenech Adami li meta tlesta kien meqjuż bħala proġett ‘state of the art’ b’dak kollu li tistenna minn sptar modern. L-Isptar Sir Anthony Mamo għall-Onkoloġija nbena mill-Gvern ta’ Lawrence Gonzi.
Taħt il-Gvern Laburista fl-aħħar tnax-il sena, l-infrastruttura tas-saħħa ngħatat l-ikbar daqqa li qatt qalgħet. Tliet sptarijiet tal-Gvern: San Luqa, Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għaddew f’idejn Vitals u wara Steward f’biċċa negozju li l-Qorti ddeċidiet li kienet frawdolenti. Fejn l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, ministri u uffiċjali taċ-Ċivil anzjani flimkien ma’ persuni oħrajn qed jittieħdu azzjoniiet ġudizzjarji kontrihom. Fejn il-poplu Malti ġie misruq iktar minn 400 miljun ewro li bihom stajna nibnu sptar ieħor ġdid li pajjiżna għandu bżonn daqs il-ħobż.
Illum l-Isptar Mater Dei ma jistax ilaħħaq man-numru ta’ pazjenti li qed jersqu lejh għas-servizzi li joffri. Kuruturi u swali oħra li ma kinux intiżi bħala swali għall-pazjenti nbidlu biex jilqgħu fihom pazjenti. Fl-Isptar ta’ Għawdex kellhom jitpoġġew kontejners biex minnhom jingħataw ċerti servizzi.
Sptarijiet fi stat tal-biki
Sadattant it-tliet sptarijiet li kellhom jiġu modernizzati minn Vitals u Steward bl-investiment ta’ miljuni ta’ ewro, jinsabu fi stat tal-biki. San Luqa qed jaqa’ biċċiet. Karen Grech għandu partijiet minnu li jeħtieġu manutenzjoni ġenerali filwaqt li dak ta’ Għawdex irid jew jitkabbar jew jinbena wieħed ġdid.
Il-Gvern preżenti għamel diversi wegħdiet għas-settur tas-saħħa. Wiegħed sptar ġdid għal Għawdex. Wiegħed żewġ ‘hubs’ tas-saħħa wieħed fin-Nofsinhar u wieħed fit-Tramuntana ta’ Malta. Wiegħed sptar mentali ġdid. Wiegħed Dipartiment tal-Emerġenza akbar. Minn dan kollu ma sar xejn ħlief il-‘hub’ tan-Nofsinhar ta’ Malta f’Raħal Ġdid, li suppost infetaħ snin ilu iżda għalkemm lest jinsab imxekkel milli jiftaħ minħabba problemi li nqalgħu tul l-aħħar sena.
Il-Gvern Laburista warrab il-‘hub’ tat-Tramuntna ta’ Malta, warrab l-isptar mentali ġdid, warrab l-isptar ġdid f’Għawdex. Sadanittant in-numru ta’ pażjenti li qed jidħlu fl-Isptar Mater Dei qed jiżdied b’medja ta’ 5,000 fis-sena.
Il-Ministru għas-Saħħa jidher li jixtieq li jsib soluzzjoni għal dan kollu. Iżda soluzzjoni għas-sitwazzjoni preżenti li hemm fis-settur tas-saħħa tirrikjedi mijiet ta’ miljuni ta’ ewro u rieda mill-Gvern. Il-Gvern jista’ jekk irid jagħmel użu mill-Isptar San Luqa, iżda dan biex jitħaddem irid xogħol ta’ manutenzjoni u ristrutturazzjoni li mhux biss tiswa għexieren ta’ miljuni iżda wkoll mijiet ta’ professjonisti, infermieri u ħaddiema oħra li ma ssibhomx mil-lum għall-għada.
Irid ikollok ir-rieda
Gvernijiet Nazzjonalisti kull meta kien hemm il-bżonn wettqu dak kollu meħtieġ biex isolvu l-problemi. L-isptarijiet Mater Dei u Sir Anthony Mamo, minkejja li kienu żewġ proġetti kbar u ewlenin, twettqu.
Niftakar meta tlesta l-Isptar Mater Dei u ġew biex jieħdu l-pazjenti kollha mill-Isptar San Luqa għall-isptar il-ġdid ħafna kienu inkwetati li seta’ jiġri xi ħaġa li t-tranżizzjoni ma tkunx waħda bla skossi. Iżda kollox mexa ħarir. Kollox mexa bla skossi u fl-inqas żmien. Dan għax kien hemm pjan. U kien hemm ir-rieda!
L-Isptar Mater Dei, anki jekk inbena biex jagħmel ukoll tajjeb għal żieda fil-popolazzjoni, żgur li ma kienx maħsub għal żieda ta’ madwar 20,000 persuna fis-sena! Il-Gvern Laburista messu qabel iddeċieda li jibni l-ekonomija ta’ pajjiżna fuq l-importazzjoni ta’ ħaddiema barranin, ħaseb biex dawn ikollhom fejn joqogħdu, biex l-infrastruttura tkun tiflaħ għaż-żieda fil-bini u fil-popolazzjoni u fuq kollox biex is-settur tas-saħħa tagħna jkun jiflaħ għal din iż-żieda u mhux jgħaddi minn trawma wara l-oħra.
Mit-trawma ta’ sptarijiet li ma baqgħux tal-Maltin u l-Għawdxin u li tħallew jitkissru. U mit-trawma ta’ popolazzjoni ferm ikbar li mhemmx l-ispazji fl-isptarijiet tagħna biex jagħmlu tajjeb għal din iż-żieda.
Il-proposti tal-PN
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li għamlu tliet ‘shadow ministers’ li għandhom x’jaqsmu mas-Saħħa u l-Politka Soċjali: Adrian Delia, Stephen Spiteri u Ian Vassallo, dawn taw lista ta’ proposti konkreti li l-PN qed jipproponi għas-Saħħa. Dawn jinkludu:
- Investiment ġdid fl-Isptar San Luqa biex jiżdiedu s-sodod u ma jibqgħux pazjenti fil-kuruturi f’Malter Dei;
- Ċentri tas-saħħa li jaħdmu verament, inklużi ‘hubs’ fit-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-pajjiż;
- Sptar Ġenerali ġdid f’Għawdex;
- Tisħiħ serju fil-kura primarja biex jitnaqqas il-piż minn fuq il-kura sekondarja;
- Investiment serju f’Public-Private Parterships;
- Apparat modern u mediċini disponibbli fuq bażi regolari;
- Kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema tas-saħħa biex jiġu attirati akar professjonisti;
- Investiment fis-saħħa mentali, inkluż sptar mentali ġdid;
- Tabib tal-familja bla ħlas għall-anzjani u l-pensjonanti;
- Mediċini tal-kanċer li jkunu disponibbli mill-Ispiżjeriji tal-Gvern u l-POYC flok mill-Community Chest Fund;
- Titjib fis-servizz tal-Ambulatory Chemotherapy;
- Tisħiħ fis-servizz tal-kura paljattiva;
- Walk-in clinic għall-pazjenti tal-kanċer biex ma jitħalltux ma’ pazjenti oħra ħalli ma jkunux esposti għal mard ieħor;
- Investiment serju fil-mediċini innovattivi.
Bħal dejjem jaqa’ fuq Gvern ġdid Nazzjonalista li jsolvi l-problema tas-Saħħa f’pajjiżna. Bħal dejjem irid ikun Gvern ġdid Nazzjonalista li jara li jkollna l-isptarijiet meħtieġa biex ilaħħqu mal-ħtiġiet tal-popolazzjoni li qed tikber b’rata fenominali. Bħal dejjem irid ikun Gvern ġdid Nazzjonalista li jara li jkollna ħaddiema biżżejjed, professjonisti u mhux, biex imexxu s-servizzi tas-saħħa tagħna. Li flimkien mal-infrastruttura jridu wkoll l-professjonisti, infermieri u ħaddiema oħrajn biex imexxuhom mingħajr skossi.

Ix-Shadow Ministers Adrian Delia, Stephen Spiteri u Ian Vassallo jressqu l-proposti konkreti li l-PN qed jipproponi għas-Saħħa. (Ritratt: Martin Agius)
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 6 ta’ Ġunju, 2025.
//= $special ?>