Rigal ta’ €350,000 f’direct order lil Daniel Micallef talli warrab mit-tmexxija
Robert Abela qatt ma staħa juża flus il-poplu biex jippremja lil dawk li jaqduh, u issa hekk reġa’ għamel ma’ Daniel Micallef.
Robert Abela qed juża lil Project Green – li llum aktar qisha Project Greed – biex tħaxxen il-bwiet ta’ ħbiebu u ta’ dawk li jbaxxu rashom għal dak li jrid hu.
Din id-darba mill-aġenzija tal-Gvern li suppost qed tkabbar l-ispazji ħodor f’pajjiżna, Abela kabbar il-but ta’ Micallef permezz ta’ direct order ta’ €350,000 għal proġett li għadu bla permessi, bħala grazzi talli warrab mid-Deputy Leadership tal-Labour.
Project Green hi mmexxija minn Joseph Cuschieri li wara li kien ġie sospiż minn CEO tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) wara numru ta’ irregolaritajiet li seħħew taħt it-tmexxija tiegħu, kien appuntat minn Abela Kap Eżekuttiv ta’ Project Green fuq parir tal-Ministru Miriam Dalli. Proprju llum il-Qorti tal-Appell għadha kif sabitu ħati wkoll dwar it-tkeċċija inġusta u illegali ta’ ħaddiem tal-MFSA meta kien Kap Eżekuttiv tal-Awtorità.
Il-messaġġ hu ċar: Robert Abela jżomm lil ħbiebu kwieti bi flus il-poplu.
Il-flus li suppost Abela qed juża biex isebbaħ l-ambjent li ħassar fl-aħħar snin, qed jużahom biex isalva ġildu. Abela jkompli jikkonfermalna li kif qalulna dawk li huma l-aktar viċin tiegħu, “kulħadd jitħanżer”.
Il-Partit Nazzjonalista jesiġi tweġibiet mill-Prim Ministru dwar dan l-iskandlu ġdid.
Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għall-Amministrazzjoni Pubblika, ix-Xandir Pubbliku u l-Ġlieda Kontra d-Dijabete Claudette Buttigieg, mix-Shadow Minister għall-Ambjent Rebekah Borg u mix-Shadow Minister għaż-Żgħażagħ u l-Ħolqien ta’ Spazji Ġodda Bernice Bonello.
//= $special ?>