Knisja Lokali

Risposta ġusta u kompassjoni dwar il-kriżi tal-foqra bla saqaf f’Malta

Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Arċidjoċesi ta’ Malta tesprimi t-tħassib tagħha dwar il-prosekuzzjoni reċenti ta’ tnax-il persuna bla dar, li ġew mixlija fil-Qorti sempliċement għaliex m’għandhomx indirizz fiss u appellat għal azzjoni urġenti biex tiġi indirizzata din il-kriżi.

Dan l-inċident kixef b’mod ċar ir-realtà allarmanti li s-sistema tagħna ħafna drabi tippenalizza lil min jinsab fil-bżonn minflok toffri daqqa t’id. Dak li ġara ma kienx ġustizzja iżda umiljazzjoni pubblika għal nies li m’għandhom imkien fejn imorru. Dan il-mument ta’ traskuraġni u indifferenza juri kif nies vulnerabbli jitqiesu bħala problema aktar milli bħala bnedmin li jistħoqqilhom għajnuna u appoġġ.

Fi stqarrija b’reazzjoni għall-arrest ta’ 12-il persuna bla dar f’Malta, il-Kummissjoni qalet li dan l-inċident jenfasizza mhux biss nuqqas legali, iżda wkoll sa fejn waslet is-soċjetà biex tikkonsidra bħala normali l-esklużjoni ta’ nies bi ħtiġijiet kumplessi.

Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi saħqet li din il-kwistjoni mhijiex biss dwar djar jew liġi kriminali, iżda dwar nuqqas ta’ rieda politika biex jiġu prijoritizzati l-ħtiġijiet ta’ dawk l-aktar esklużi, kif ukoll nuqqas ta’ rieda, kemm fuq livell soċjali kif ukoll personal.

Din il-kwistjoni, saħqet il-Kummissjoni, mhijiex biss dwar dak li għandhom jagħmlu l-gvernijiet, iżda wkoll dwar kif kull komunità, parroċċa u persuna tirrispondi. L-indifferenza tfisser kompliċità.