Lokali Qorti

Sid ta’ kumpanija tal-irħam kundannat 18-il xahar ħabs wara li żamm €98,000 ta’ żewġ nisa

Il-Qorti tiddikjarah reċidiv u tordnalu jrodd il-flus lill-vittmi

Sid ta’ kumpanija tal-irħam li falliet ġie kkundannat għal 18-il xahar ħabs wara li nstab ħati li żamm għalih €98,000 li ngħata minn żewġ nisa biex jinvestihomlhom barra minn Malta. Giuseppe Azzopardi, ta’ 70 sena minn Ħ’Attard, kien akkużat li bħala rappreżentant tal-kumpanija Bottega Del Marmista Limited, approprja l-flus b’mod illegali, u li kiser sentenza preċedenti tal-Qorti. Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi.

Il-provi wrew li Alessandra Xuereb u Maria Louisa Magri għaddew is-somma biex Azzopardi jinvestiha f’ishma barra minn Malta, u b’wegħda li wara tliet snin kellhom jieħdu lura l-kapital kollu mogħti. Iżda minflok, il-flus intużaw biex jixtri materjal tal-bronż għall-użu fin-negozju tiegħu, u parti minnhom spiċċaw f’kont bankarju ta’ bintu.

Il-Qorti ma sabitux ħati ta’ frodi, iżda kkonkludiet li kien għamel misapproprjazzjoni tal-fondi u li kiser sentenza oħra preċedenti, għalhekk ġie wkoll iddikjarat reċidiv taħt l-Artikolu 50 tal-Kodiċi Kriminali.

Waqt l-għoti tas-sentenza, il-Qorti qieset li l-vittmi xtaqu sentenza sospiża sabiex ikollhom ċans jiġu mħallsa lura. Iżda l-Qorti ċċarat li taħt il-liġi, meta persuna tkun reċidiva, ma tistax tingħata piena sospiża, u għalhekk ikkundannat lil Azzopardi għal ħabs effettiv ta’ 18-il xahar.

Il-Qorti ordnat ukoll li Giuseppe Azzopardi jrodd is-somma ta’ €29,084.08 lil Maria Louisa Magri u €65,915.92 lil werrieta ta’ Alessandra Xuereb bħala kumpens għat-telf finanzjarju li sofrew.