Internazzjonali

Stati Uniti: Tensjoni kbira bejn Trump u Musk…bir-Repubblikani jinkwetaw dwar ir-riperkussjonijiet ta’ ġlieda li d-dinja kollha qed titkellem dwarha

Il-qawl jgħid li ‘l-akbar ġlieda li tinqala’ hi bejn il-ħbieb’ … U fil-preżent, il-media fl-Istati Uniti u madwar id-dinja qed jagħtu importanza kbira lill-battibekk jaħraq, iddominat bl-insulti personali, li nqala’ bejn il-President Amerikan Donald Trump u l-imprentitur biljunarju Elon Musk – l-akbar sinjurun tad-dinja…Ġlieda li għandha sinifikat partikulari peress li Musk, sa ftit ilu, kien il-konsulent ewlieni tal- Trump b’livell ta’ influwenza li ssupera anki l-mandati tal-Ministri fil-Kabinett ta’ Washington.

Filwaqt li l-uffiċjali fil-kamp Repubblikan qed jippruvaw inaqqsu mill-qilla ta’ din il-ġlieda, spikkat is-sejħa ta’ Elon Musk biex il-President Trump ikun suġġett għall-impeachment….Dan fost l-istqarrijiet fuq il-media soċjali li Trump kien jibqa’ l-art fl-aħħar elezzjoni għall-Presidenza li kieku l-kampanja tiegħu ma kenitx iffinanzjata bl-għexieren tal-miljuni provduti minn Musk.

Fi żmienhom bħala alleati u kollaboraturi, Trump u Musk introduċew u wettqu politika li litteralment qalgħet mill-għeruq lill-istituzzjonijiet amministrattivi u ta’ fejda fl-Istati Uniti…Dan fost l-impatt negattiv għas-servizzi soċjali li kienu qed jgħinu lill-faxxa tal-Amerikani bl-inqas introjtu….Fl-istess ħin, Musk ipprova jaġixxi bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin mhux uffiċjali fejn ippromwova bl-aktar mod konsistenti lill-partiti estremisti tal-lemin fl-Ewropa, fosthom il-Partit AfD (Alternativ fur Deutschland) fil-Ġermanja u l-populisti tal-Partit Fratelli d’Italia’ fl-Italja.

Sadanittant, il-President tal-Istati Uniti jinsab infurjat bil-messaġġ ta’ Musk rigward ‘l-impeachment’….U fl-aħħar kummenti tiegħu, Trump qal li ‘mhemmx dubju li Musk tilef moħħu’…Kuntrast assolut għall-kummenti ta’ Trump, ftit tal-ġimgħat ilu, meta l-President Amerikan qal li ‘l-Istati Uniti hi tassew ixxurtjata li tista’ tiddependi fuq nies kapaċi daqs Elon Musk’.

Fl-istess ħin, il-Partit Repubblikan fil-Gvern jinsab inkwetat ħafna dwar ir-riperkussjonijiet politiċi minn din il-‘gwerra pubblika’ bejn Trump u Musk — u meta l-Partit Demokratiku fl-Oppożizzjoni kapaċi jagħmel gwadann sostanzjali mid-diżgwid attwali fis-sede tal-poter.

Minkejja l-ispekulazzjoni li Trump u Musk għad jistgħu jirranġaw xi ftit l-affarijiet, il-President tal-Istati Uniti, għalissa, mhux jidher lest biex ‘jaħfer’ lill-eks-sieħeb tiegħu…Dan fost il-kumment xott li hu (Trump)  ma kienx fil-burdata li jkellem lill-biljunarju.

Id-diżgwid bejn Trump u Musk kien sploda fil-beraħ wara li l-President Amerikan, permezz ta’ messaġġ fuq il-media soċjali, esprima ‘diżappunt kbir’ għall-fatt li l-eks-konsulent tiegħu kien ikkritika l-abbozz ta’ liġi ( li kien ressaq Trump) li jippermetti livell ogħla ta’ infiq mill-Gvern.

Min-naħa tiegħu, Elon Musk wieġeb li Trump hu ‘raġel ingrat’ waqt li saħaq li l-President Amerikan kien jitlef l-aħħar elezzjoni mingħajr l-għajnuna tiegħu.

Il-kumpanniji ta’ Elon Musk jinkludu Tesla, SpaceX u Starlink – u li lkoll għandhom il-kuntatti diretti mal-Gvern tal-Istati Uniti. Sadanittant, Elon Musk dar lura mill-ħsieb biex iwaqqaf l-operat ta’ inġenju tal-ajru ta’ SpaceX li qed jintuża biex iwassal lill-astronawti Amerikani lejn l-Istazzjon tal-Ispazju,

Iżda fl-aħħar sigħat, Donald Trump hedded li l-aktar mod ħafif kif pajjiżu jiffranka l-flus mill-baġit nazzjonali hu b’li jwaqqaf il-kuntratti u s-sussidji li Elon Musk ilu jibbenefika minnhom u li huma kruċjali għall-funzjoni ta’ Space X u Tesla.

U –bħala l-aħħar pass sinifikanti – Donald Trump qed jaħseb ukoll biex ibigħ il-karozza Tesla li kien xtara ftit taż-żmien ilu  meta kien qed jipprova jgħin lil Musk biex jippromwovi l-kumpannija tiegħu għall-karozzi li jaħdmu bl-elettriku… Dan ġimgħat biss wara li l-osservaturi kienu rappurtaw dwar sitwazzjoni surreali fejn Trump anki biddel l-artijiet tal-White House fi speċi ta’ ‘showroom’ għall-vetturi ta’ Musk.