Lokali Qorti

60 xahar ħabs wara li seraq minn diversi ħwienet minħabba l-vizzju tad-droga

Wayne Delia, raġel ta’ 40 sena, ntbagħat 60 xahar ħabs u ġie mmultat €100 wara li nstab ħati ta’ diversi serqiet minn ħwienet f’Ħal Qormi, il-Ħamrun u l-Gżira, kif ukoll li kien fil-pussess tal-kokaina u li kiser erba’ kundizzjonijiet ta’ libertà proviżorja. Il-Qorti kkonfermat ukoll li huwa riċediv.

Il-każ imur lura għal Jannar tal-2020, meta Delia wettaq dawn ir-reati flimkien ma’ persuna oħra. Il-Qorti semgħet kif il-motiv wara dawn is-serqiet kien il-vizzju qawwi tiegħu għad-droga. F’Ħal Qormi, Delia seraq laptop u barmil mimli għodda minn ħanut tal-fjuri, wara li żgassa l-bieb tal-ħanut u kissru l-ħġieġ t’isfel.

Fil-Gżira, pprova jisraq minn ħanut tax-xagħar iżda ħareġ b’idu f’idu, hekk kif ma sab xejn fil-cash register li kien għadu kif fetaħ. Fil-Ħamrun, daħal f’ħanut tal-ħwejjeġ u seraq €35 flimkien ma’ persuna oħra. Il-pulizija arrestatu ftit wara, u fuqu sabulu ftit flus u sikkina.

Delia kien akkużat b’13-il akkuża, fosthom li kien fil-pussess tal-kannabis u l-eroina, iżda għal dawn tnejn ma nstabx ħati. Madankollu, ammetta li kien qed juża l-kokaina, u għalhekk il-Qorti sabitu ħati fuq din l-akkuża.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Kevan Azzopardi, irrimarkat kif Delia kien ingħata diversi opportunitajiet biex jinbidel, iżda għażel li ma jibdielx ħajtu u baqa’ marbut mad-droga, li wasslitu biex jagħmel ħsara lin-nies li qed jaħdmu b’ġid onest.

Filwaqt li imponiet il-piena, il-Qorti saħqet li l-piena kienet neċessarja minħabba l-gravità tar-reati u l-kundanna ripetuta. Fl-istess waqt, ħeġġet lill-akkużat biex jirrifletti u jikkunsidra l-bidla. “Inti għadek f’età fejn tista’ tagħmel xi ħaġa biex teħles mill-vizzju li qed itelliflek ħajtek,” qalet il-Qorti.