Lokali

Raġel imut wara li nqabad taħt trailer f’Ħal Far

Raġel ta’ 67 sena residenti Ħaż-Żebbuġ tilef ħajtu wara li trakk tal-għamla MAN, li kien qed jintuża mill-vittma, għal xi raġuni mexa waħdu l-quddiem, bil-konsegwenza li r-raġel spiċċa maqbud bejnu u trakk ieħor ipparkjat.

L-inċident li seħħ fiz-zona industrijali fil-limiti ta’ Ħal Far għall-ħabta tat-7:30am.

Fil-post waslet ambulanza kif ukoll uffiċjali tal-Pulizija. Għalkemm, ir-raġel tilef ħajtu fil-post.

Il-każ seħħ fejn hemm ċentru għall-ġbir tal-iskart goff, man-naħa tal-ġenb tal-kwart ta’ mil.

Fil-post waslu ukoll uffiċjali tal-Forensika li qed janalizzaw id-dinamika tal-każ. Is-sewwieq tat-trailor qed jingħata assistenza minħabba x-xokk kbir li ħa.

Il-Maġistrat Joe Mifsud kien infurmat b’dan l-inċident u ħatar numru ta’ esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizjia, flimkien mal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol b’rabta ma’ dan l-inċident għadhom għaddejjin.