Mill-inqas tliet persuni nqatlu u iżjed minn 20 persuna oħra ndarbu fl-akbar attakk bidrones Russi fuq it-tieni l-akbar belt tal-Ukrajna, Kharkiv. Fost il-persuni li ndarbu kien hemm tarbija u tifla ta’ 14-il sena.
Is-sindku ta’ Kharkiv qal li matul il-lejl, ir-Russja nediet 206 drone kif ukoll disa’ missili. Kien hemm ukoll rapporti ta’ attakki fil-belt ta’ Kherson, li fihom inqatlu koppja, raġel ta’ 56 sena u mara ta’ 54 sena.
L-attakki tal-lejl fuq Kharkiv isegwu attakk bl-ajru fuq skala kbira mill-forzi Russi madwar l-Ukrajna il-lejl qabel, li fih inqatlu sitt persuni u ndarbu 80 oħra.
Dan ġie ftit jiem wara attakki b’drones mill-Ukrajna, li kienu mmirati lejn ajruplani strateġiċi Russi f’erba’ bażijiet militari.
Fis-sigħat bikrin, is-sindku ta’ Kharkiv qal li l-belt kienet qed tesperjenza l-aktar attakk qawwi tal-gwerra s’issa, u f’mument wieħed irrappurta li nstemgħu mill-inqas 40 splużjoni fi żmien siegħa u nofs.
Is-sindku żied jgħid li l-informazzjoni preliminari tindika li 18-il bini ta’ appartamenti u 13-il dar oħra sofrew xi ħsarat, filwaqt li ddeskriva l-attakk bħala terroriżmu.
Dawn l-attakki seħħew ftit jiem wara t-tieni rawnd ta’ taħditiet diretti ta’ paċi bejn ir-Russja u l-Ukrajna li saru aktar kmieni din il-ġimgħa fit-Turkija, iżda li spiċċaw mingħajr ftehim sod… għalkemm iż-żewġ naħat qablu fuq ftehim biex jibdlu aktar priġunieri tal-gwerra.
Intant, iż-żewġ pajjiżi impenjaw ruħhom li jirritornaw il-katavri ta’ 12,000 suldat, u qablu wkoll li jpartu l-priġunierikollha li huma morda jew midruba serjament, kif ukoll dawk li għandhom inqas minn 25 sena. Madankollu, uffiċjali Russi u Ukrajni ħarġu stqarrijiet kontradittorji dwar dawn it-taħditiet. In-negozjatur ewlieni f’isem Moska qal li l-Ukreni ipposponew il-proċess għal perjodu indefinit, filwaqt li minn naħa tal-Ukreni Petro Yatsenko qal li l-proċess ta’ skambju ittardja b’ġimgħatejn.
//= $special ?>