Futbol Sport

Tirtira mill-futbol milgħub, l-internazzjonali Maltija, Alishia Sultana fl-etá ta’ 28 sena

Tirtira Alishia Sultana
Tirtira Alishia Sultana

Il-plejer internazzjonali ta’ Birkirkara, Alishia Sultana ħadet id-deċiżjoni li tirtira mill-futbol milgħub minkejja li għad għandha 28 sena.

Sultana, li kienet parti mit-tim nazzjonali Malti ta’ Manuela Tesse li fil-kompetizzjoni għall-fażi ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja C2, kiseb suċċess meta temmew fl-ewwel post tal-klassifika u allura għat-tieni darba fl-istorja t-tim nazzjonali tan-nisa kiseb promozzjoni għal League B tal-UEFA Nations League, se tkun qed tħalli legat sabiħ b’numri li jirrapreżentaw karriera mill-isbaħ li kellha l-midfielder li oriġinarjament kienet bdiet il-karriera tagħha mal-klabb ta’ Kirkop United.

Mingħajr dubju l-aqwa żmien ta’ Sultana bħala plejer kien ma’ Birkirkara, fejn għamlet karriera ta’ 14-il sena tilgħab magħhom fiż-żmien li matulu hi rebħet xejn inqas minn disa’ darbiet il-Kampjonat lokali, seba’ darbiet il-kompetizzjoni Knock-Out u erba’ darbiet is-Super Cup.

L-esperjenza ta’ Sultana testendi ukoll lilhinn minn Malta, fejn fix-xena internazzjonali, hi lagħbet xejn inqas minn 20 partita fil-UEFA Women’s Champions Leagie. Mhux hekk biss, iżda hi kellha kontribut importanti tul il-karriera tagħha fid-diviersi timijiet nazzjonali taħt kowċis differenti. B’kollox Sultana lagħbet total ta’ xejn inqas minn 61 partita.

Net News isellem il-karriera ta’ Sultana u jawguralha għal dak li jmissha fil-ħajja personali tagħha.