Lokali

“Dawn il-barriers huma ta’ periklu kbir għalina s-sewwieqa tal-muturi”

Għandna bżonn toroq aktar siguri, għal kull min hu dilettant tal-muturi. Ma nistgħux nibqgħu nitilfu ħajjitna kawża ta’ traskuraġni fit-toroq.

Huwa dan l-appell li qed isir fuq il-midja soċjali hekk kif nhar il-Ġimgħa, 27 ta’ Ġunju se tkun qed tiġi organizzata protesta li se tkun qed tingħata bidu fis-sebgħa ta’ filgħaxija f’Ta Qali.

Din il-protesta se tkun qed issir b’forma ta’ slow ride u se tkun qed tintemm fiċ-Ċirkewwa.

Din il-protesta se tkun qed tiġi organizzata wkoll għall-memorja ta’ Shaun Coppola, il-missier ta’ 35 sena li tilef ħajtu f’inċident tat-traffiku f’San Pawl il-Baħar nhar is-27 ta’ Mejju.

Dan kollu qed jiġi organizzat minn Bjorn Grima, hekk kif mal-ġurnal Times of Malta spjega li l-Gvern għandu bżonn jirranġa l-infrastruttura tat-toroq fosthom il-barriers li huma verament perikolużi għas-sewwieqa tal-muturi.

Grima nieda petizzjoni fejn qed jappella lill-awtoritajiet jagħmlu xi ħaġa għas-saħħa u s-sigurtà tas-sewwieqa, petizzjoni li s’issa ġabret 3,500 firma.

Huwa kompla jisħaq li f’dawn il-barriers eżistenti jekk sewwieq ta’ mutur jinqabad magħhom għandu ċans kbir li jitlef xi riġel jew dirgħajn…jew agħar.

Fil-jiem li għaddew Net News staqsa lil Ministru responsabbli Chris Bonett dwar kif u meta se jkun qed jaġġorna – bil-Ministru ma jserraħ ebda mħuħ dwar il-futur ta’ dawn l-aġġornamenti fl-infrastruttura.