Il-Kap tal-PN Bernard Grech jgħid li r-riżultat tal-istħarriġ politiku tal-lum jitfa’ fuqu iktar responsabbiltà biex il-PN ikompli jissaħħaħ
Il-kwistjoni ta’ Manoel Island hija kwistjoni ta’ viżjoni u prijoritajiet u ta’ kif wieħed ikun konxju u sensittiv għar-realtajiet tal-pajjiż. Il-Prim Ministru għandu jħares lejn kif, legalment u b’mod serju, għandu jreġġa’ lura din il-konċessjoni sabiex ma jisraqx lill-poplu minn opportunità oħra li jkollu spazju miftuħ fejn jista’ jistrieħ u jieħu nifs.
Fid-dawl ta’ dan, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li dan il-kuntratt għandu jiġi analizzat b’reqqa mill-Awditur Ġenerali. B’hekk ikun żgurat li l-eżerċizzju jsir minn xi ħadd imparzjali u indipendenti li għandu l-poter skont il-liġi Maltija li jagħmel skrutinju tal-kuntratti tal-Gvern. Wara li ssir din l-analiżi mill-Awditur, il-petizzjoni u l-kuntratt għandhom jiġu diskussi fil-Plenarja.
Waqt intervista li saritlu fi tmiem żjara li matulha ltaqa’ mal-komunità ta’ San Pawl il-Baħar, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tkellem ukoll dwar is-settur tas-saħħa li jinsab f’emerġenza. Il-Kap tal-PN elenka numri ta’ proposti li ressaq il-PN u li jindirizzaw l-isfidi f’dan is-settur:
§ Riġenerazzjoni tal-Isptar San Luqa biex jerġa’ jibda jintuża
§ Il-bini ta’ sptar ġdid f’Għawdex
§ Il-ftuħ taċ-ċentri tas-saħħa li llum jinsabu magħluqin
§ Tisħiħ tas-servizzi tas-saħħa mentali
§ Mediċini importanti għall-kura tal-kanċer li jkunu disponibbli fl-ispiżeriji tal-gvern
Quddiem l-aħħar statistika li turi li Malta hija fost l-agħar pajjiżi fl-UE fl-emissjonijiet u u fid-dawl tal-falliment ta’ pajjiżna li jilħaq il-miri għat-Tibdil fil-Klima, Bernard Grech tkellem ukoll dwar il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għal dan is-settur. Huwa rrefera għall-proposti ta’ sistema moderna ta’ trasport tal-massa, investiment serju fit-trasport pubbliku bħala alternattiva għall-karozzi privati u investiment f’enerġija nadifa u f’sorsi tal-enerġija li tiġġedded.
L-aħħar statistika turi li l-għoli tal-ħajja qed ikompli jisplodi iżda, quddiem dan, il-Gvern qed jinjora l-proposti tal-Oppożizzjoni li jtaffu l-piżijiet minn fuq il-familji – fosthom il-proposta tat-tneħħija tat-taxxa fuq l-ewwel €10,000 minn xogħol part-time u overtime, il-proposta li ż-żieda tal-għoli tal-ħajja ma tkunx taxxabbli u l-għajnuna lill-SMEs biex iżommu l-prezzijiet stabbli.
Il-Kap tal-PN spjega kif dan il-Gvern tilef kull sens ta’ integrità. Fakkar li, meta Abela jkun f’kantuniera, jibda jagħmel allegazzjonijiet fuq Deputati tal-PN. Illum nafu li l-allegazzjonijiet li saru fuq Toni Bezzina kienu biss gidba li kixfet l-ipokresija ta’ Robert Abela. Il-Kap tal-PN wera s-solidarjetà tiegħu mad-Deputati Toni Bezzina, Robert Cutajar, Ivan Castillo u David Agius – li kollha kienu vittmi ta’ din il-politika ta’ tfigħ ta’ tajn.
Bernard Grech irrefera wkoll għall-istħarriġ politiku li kien ippubblikat illum. Huwa rrikonoxxa l-fatt li d-distakk bejn iż-żewġ partiti kiber mill-elezzjoni ta’ sena ilu ‘l hawn u żied li mhux se jkun qed jinjora r-riżultat ta’ dan l-istħarriġ. Saħaq li dan ir-riżultat jitfa’ fuqu u fuq il-Partit Nazzjonalista iktar responsabbiltà sabiex ikomplu jissaħħu sabiex ikunu gvern alternattiv.
Il-poplu jrid politiċi li jindirizzaw l-isfidi li l-familji qed iħabbtu wiċċhom magħhom ta’ kuljum fil-qasam tas-saħħa, l-ambjent u traffiku fost l-oħrajn. Hija din il-politika li jrid joffri l-Partit Nazzjonalista li jrid itejjeb l-ħajja ta’ kull Malti u Għawdxi billi jpoġġi lill-persuna fiċ-ċentru tal-politika tiegħu.
//= $special ?>