Internazzjonali

L-Italja: Referendum dwar tnaqqis fid-dawmien għaċ-ċittadinanza …fost il-bojkott ta’ Giorgia Meloni

Fl-Italja qed isir referendum nazzjonali – imqassam fuq jumejn – li jipproponi biex jonqos bin-nofs iż-żmien li teħtieġ persuna biex tapplika għaċ-ċittadinanza Taljana….Il-proposta qed tesiġi wkoll biex it-tfal u l-adolexxenti taħt it-18-il sena jkunu awtomatikament naturalizzati flimkien mal-ġenituri tagħhom.

L-attivisti u l-persuni influwenti li ressqu din il-proposta qed jinsistu li t-tnaqqis fil-perjodu ta’ stennija minn għaxar snin sa ħamsa għandu jgħin biex l-Italja tabqad l-istess rotta bħal pajjiżi Ewropej oħrajn f’sitwazzjoni li anki għandha ttejjeb l-issue tal-immigrazzjoni.

Ir-referendum kien xprunat mill-inizjattiva taċ-ċittadini bl-appoġġ tal-gruppi tas-soċjetà ċivili. Madankollu, biex ir-referendum ikun validu, iridu jivvutaw bil-fors il-minimu ta’ 50 fil-mija tar-residenti fl-Italja li huma eliġibbli għall-vot.

Ir-referendum, intant, mhux qed jogħġob lill-Prim Ministru Giorgia Meloni, politiku radikali tal-lemin, li jiem ilu għamlitha ċara li kellha tibbojkottja dan il-vot.

Fl-istess ħin, Meloni qed tiddikjara l-liġi attwali dwar iċ-ċittadinanza bħala ‘waħda miftuħa  u eċċellenti’…Dan waqt li l-partiti politiċi alleati magħha sejħu biex it-Taljani ‘iqattgħu dawn is-sigħat ħdejn il-baħar minflok imorru fil-postijiet tal-votazzjoni’.

Il-kwistjoni dwar iċ-ċittadinanza Taljana tibqa’ waħda sensittiva …Dan meta ammonti kbar ta’ immigranti u refuġjati qed jaslu l-Italja kull sena …Moviment li qed ikun faċilitat mill-gruppi organizzati apposta għat-traffikar tal-bnedmin.

Iżda waqt li l-Gvern populista ta’ Meloni ilu jiftaħar dwar it-tnaqqis tal-immigranti illegali f’pajjiżu, dan ir-referendum hu immirat għan-nies li vvjaġġaw ‘legalment’ lejn l-Italja biex isibu x-xogħol.

L-iskop tal-eżerċizzju hu wkoll limitat u meta l-proponenti tar-referendum qed jaħsbu biex iħaffu l-proċess lejn iċ-ċittadinanza u mhux biex inaqqsu mil-kriterji stretti attwali.

L-attivisti wara r-referendum spjegaw li l-kriterji għaċ-ċittadinanza jinkludu l-kapaċità tal-individwu biex jesprimi ruħu bidt-Taljan u l-ħtieġa li l-istess individwu ma jkollux l-akkużi kriminal pendenti. Kriterju ieħor, intant, hu li l-individwu inkwistjoni jkollu wkoll residenza fissa fl-Italja.

Sadanittant, ir-riformi għal-liġi, jekk jgħaddu, għandhom jaffettwaw lir-residenti barranin diġà impjegati fl-Italja u li ilhom żmien jgħixu f’dan il-pajjiż, flimkien ma’ familthom.