Il-kampanja indiskriminattiva tal-Gvern Amerikan kontra persuni allegati bħala mhumiex xierqa li jibqgħu jgħixu fl-Istati Uniti qanqlet l-ewwel dimistrazzjonijiet ta’ rabja mindu Donald Trump assuma l-Presidenza tal-Istati Uniti f’Jannar li għadda.
Fl-aħħar jiem u ġimgħat, l-uffiċjali mal-Aġenzija għall-Infurzar tar-regoli għall-Immigrazzjoni wettqu diversi rejds biex jiġbru u jarrestaw lin-nies mingħajr id-dokumentazzjoni li tiggarantilhom l-istatus ta’ ċittadini legali.
U waqt li l-uffiċjali, sallum, ħatfu u deportaw l-eluf ta’ persuni li ma kellhomx id-dokumentazzjoni aċċettabli, din il-kampanja qed issir bi ftit li xejn sens ta’ diskriminazzjoni. Dan ukoll meta numru sinifikanti ta’ ċittadini innoċenti minn kull akkuża spiċċaw intortament fiċ-ċentri għall-persuni indikati għad-deportazzjoni.
Intant, fi tmiem il-ġimgħa żbruffaw, f’Los Angeles, il-protesti kbar kontra r-rejds fuq l-immiegranti u li komplew għal ġranet konsekuttivi.
Is-sitwazzjoni tant kienet serja li l-President Trump, issa, iddeċieda biex joħroġ it-truppi tal-Gwardja Nazzjonali ħalli jikkontrollaw is-sitwazzjoni f’Los Angeles…Dan fost il-kritika qalila li Trump aktar ħsiebu f’li joħloq spettaklu biex jagħti wieħed x’jifhem li l-Gvern qed jiffaċċja xi forma ta’ kolp ta’ stat.
Il-Gvernatur tal-Istat ta’ Kalifornja, Gavin Newsom, ikkonferma li l-Gvern Amerikan kien qed jibgħat talanqas 2,000 suldat lejn Los Angeles. Dan wara li l-pulizija f’din il-belt użaw il-gass tad-dmugħ u s-stun guns fuq id-dimostranti li kienu qed jipprotestaw dwar ir-rejds għall-immigranti f’inħawi dominati mill-komunitajiet tal-Ispaniċi.
Id-dimostrazzjonijiet, li bdew nhar il-Ġimgħa fin-naħa t’isfel ta’ Los Angeles, qed jitqiesu bħala l-ewwel protesta kbira u popolari kontra l-Amministrazzjoni ta’ Trump….Protesta kontra l-istil ta’ tmexxija li numru akbar ta’ Amerikani qed jirreferu għalih bħala wieħed dittatorjali.
U filwaqt li ħarġu l-mijiet tad-dimostranti, il-Gvernatur Newsom qal li l-Gvern federali qed jiżra l-kaos biex ikollu skuża ideali ħalli jeskala l-affarijiet….Newsom kompla li ‘dan mhux l-aġir ta’ pajjiż ċivilizzat’ u meta hu qed jistenna li l-belt ta’ Los Angeles għandha tibqa’ maħkuma mit-tensjoni għal diversi ġranet.
Is-Segretarju tad-Difiża Amerikan, Pete Hegseth, intant, qal li l-awtoritajiet huma anki lesti biex jimmobilizzaw ir-riġmenti tal-morini f’każ li tibqa’ għaddejja l-vjolenza f’Los Angeles.
Fl-aħħar sigħat, għexieren tan-nies spiċċaw arrestati f’Los Angeles fuq suspett dwar abbużi għar-regoli tal-immigrazzjoni…Intant, seħħew numru ta’ konfronti bejn il-gruppi tan-nies u l-uffiċjali għall-infurzar tal-liġi – bid-Dipartiment għas-Sigurtà Domestika jirreferi wkoll għal każi ta’ vandaliżmu sfrenat.
Is-Segretarju Stampa tal-White House, Karoline Leavitt, sadanittant, ħarġet stqarrija fis-sens li ‘il-folol ta’ nies vjolenti spiċċaw jattakkaw lill-uffiċjali u l-aġenti għall-infurzar tal-liġi federali waqt li huma kienu qed jaqdu dmirhom bħala parti mill-politika għad-deportazzjoni ta’ immigranti illegali’.
Iżda, kelliema għall-gruppi favur id-drittijiet tal-immigranti qed jinsistu li din il-kampanja kontra l-immigranti tilfet kull sens ta’ kontroll u li l-ebda Amerikan ma jista’ iħossu sikur fiċ-ċirkustanzi….Dan meta fost l-aħħar arrestati kien hemm diversi bejjiegħa tat-toroq u ħaddiema li kienu għaddejjin bil-jum tax-xogħol normali.
//= $special ?>