Stewart Said
MALTA…………… 13
UKRAJNA……….. 11
(5-2), (2-3), (2-4), (4-2)
Rebħa prezzjuża fil-waterpolo iżda li waslet b’diffikultà wara prestazzjoni li ma tirriflettix il-kwalità vera tat-tim Malti. Telfa f’dan il-konfront kienet tikkomplika serjament iċ-ċans li Malta tikkwalifika għall-Kampjonat Ewropew għas-sitt edizzjoni konsekuttiva.
Iż-żewġ veterani fit-tim, jiġifieri Stevie Camilleri u Matthew Zammit, urew l-importanza fit-tim bi prestazzjoni ta’ kwalità. Għall-Ukreni spikka x-xellugi Dmytro Ashanin li kien ta’ ħsara kontinwa u l-markament fuqu ftit kien effettiv.
Matthew Zammit immarka r-ritorn tiegħu b’doppjetta fl-ewwel żewġ minuti tal-logħba b’Jayden Cutajar għamilhom tlieta ftit wara. Dan il-bidu b’saħħtu ħadem kontra għaliex it-tim Malti naqqas l-aggressività tal-ewwel mumenti u ppermetta lill-Ukreni biex jaqsmu l-logħob aħjar. L-Ukrajna naqqset darbtejn id-distakk għal żewġ gowls sakemm Nikolai Zammit kabbar il-vantaġġ għal 5-2.
Fit-tieni sessjoni spikka Dmytro Ashanin li filwaqt li skorja tripletta personali, żamm lit-tim tiegħu fil-logħba u tefa’ ftit pressjoni fuq it-tim Malti li ma kienx preċiż biżżejjed fl-attakk. Bejn il-gowls Ukreni, skorjaw għat-tim Malti Stevie Camilleri u Benji Cachia li kienu wessgħu d-distakk parzjalment għal tliet gowls.
It-tim Malti kellu vantaġġ ta’ 9-7 lejn nofs it-tielet sessjoni iżda dan il-vantaġġ sparixxa sa tmiem is-sessjoni. L-ewwel b’xutt minn sitt metri ta’ Ashanin u fi tmiem is-sessjoni minn man-up b’konklużjoni mill-qrib ta’ Danylo Sokolov.
Jayden Cutajar reġa’ poġġa lil Malta fil-vantaġġ fil-bidu tal-aħħar sessjoni minn man-up iżda l-Ukrajna wettqet reazzjoni u għall-ewwel darba marret fil-vantaġġ. Oktavian Veklyuk ġab id-draw ukoll minn man-up u ftit wara Kostiantyn Alieksieiev sab ix-xibka.
Minkejja l-ħasda, it-tim Malti wieġeb minn Jake Bonavia u l-captain Stevie Camilleri reġa’ poġġa lil Malta minn fuq b’gowl sabiħ tliet minuti mit-tmiem. Il-gowl distakk għamel l-aħħar minuti mimlija tensjoni. Hawn spikka l-gowlkiper Jake Tanti li salva xutt mill-qrib fl-aħħar minuta u b’25 sekonda għat-tmiem, reġa’ kien mument ta’ brillantezza minn Camilleri li għalaq il-logħba.
Malta: J. Tanti, J. Muscat, L. Galea (1), B. Cachia (1), S. Gialanze, M. Zammit (3), S. Camilleri (4), J. Cutajar (2), J. Abela, N. Zammit (1), D. Zammit, J. Bonavia (1), B. Busuttil, E. Schembri
Ukrajna: K. Nikolskyi, O. Veklyuk (1), Y. Artsyshevskyy, D. Ashanin (5), D. Rakitin (1), R. Gryshchuk (1), D. Sokolov (1), C. Ahadzhanov, D. Gusakov, K. Alieksieiev (1), A. Labyk (1), I. Liubinskyi, V. Kovtun, V. Voitenko
Referees: Maxim Gerasimov (Renju Unit), Lukasz Krol (Polonja)
Logħob li jmiss
It-Tlieta 10 ta’ Ġunju
Pixxina Nazzjonali Tal-Qroqq
Ukrajna v Franza 6.00pm
Portugall v Malta 7.30pm
//= $special ?>