Illum ġie ffirmat it-Tieni Ftehim Kollettiv għall-impjegati tas-Servizz Parlamentari, li ser ikun ikopri kważi 40 impjegat mal-Kamra tad-Deputati, il-Parlament ta’ Malta.
F’diskors qasir qabel l-iffirmar tal-ftehim, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia, spjega kif dan il-Ftehim, li jkopri s-snin 2025–2030, ikompli jibni fuq l-ewwel Ftehim b’saħħtu li kien ġie konkluż fl-2022.
L-Ispeaker irringrazzja lil Kendrick Bondin, Segretarju Sezzjonali tat-taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi tal-GWU, u lill-Iskrivan tal-Kamra, Eleanor Scerri, li mexxew in-negozjati sabiex dan it-tieni Ftehim Kollettiv jkun jista’ jiġi konkluż, kif ukoll lil Claudine Parnis u Stephen Grech li rrappreżentaw lill-ħaddiema f’dan il-proċess.
L-Ispeaker irrefera għad-diskors tiegħu tas-Sette Giugno ta’ din is-sena fejn spjega kif il-ħidma fil-Parlament dejjem qiegħda tikber u tevolvi, u jekk ma jkollux is-sotenn ta’ amministrazzjoni b’saħħitha l-ħidma kollha li bħalissa għaddejja ma tkunx possibbli.
Huwa spjega kif permezz tal-kundizzjonijiet offruti lill-ħaddiema tal-Kamra tad-Deputati, is-servizz qiegħed jimmira li jkompli jsaħħaħ ir-riżors uman sabiex ikun dejjem ta’ servizz aħjar għall-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Min-naħa tiegħu, Bondin irringrazzja lill-Ispeaker u lill-amminstrazzjoni tas-Servizz Parlamentari fi ħdan il-Kamra tad-Deputati tal-koperazzjoni sħiħa sabiex jiġi konkluż. Huwa saħaq li dan il-ftehim huwa wieħed fost l-aqwa li jeżistu fis-settur pubbliku, u dan huwa b’rikonoxximent tax-xogħol importanti u senstittiv li jsir minn din l-istituzzjoni.
//= $special ?>