Il-logħba ta’ għada kontra l-Olanda f’Groningen se tkun l-itqal waħda għal Malta fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tas-sena d-dieħla. Nistqarr magħkom li daqskemm jien sodisfatt li rajt progress fl-iskwadra b’Emilio De Leo kowċ, daqstant ieħor ninsab beżgħan minn dak li jista’ jiġri f’din il-logħba.
Bi plejers fl-iskwadra bħal Virgil van Dijk, Nathan Aké, Denzel Dumfries, Frenkie de Jong, Tijjani Reijnders, Cody Gakpo, Micky van de Ven, Xavi Simons u oħrajn fl-iskwadra ta’ Ronald Koeman, il-pajjiż li jinsab fis-sitt post fir-rankings tal-FIFA, se jkunu wieħed mill-itqal avversarju tagħna ta’ dawn l-aħħar snin. Nażżarda ngħid, l-Olanda se jkunu itqal mill-Ingilterra li lagħbna kontra tagħom f’Novembru tal-2023 għaliex dakinhar, l-Ingliżi kienu diġa’ għaddew għall-fażi finali tal-Euro 2024 u din id-darba għadna biss fit-tieni logħba tal-Olandiżi.
Ma nafux x’għadna nistennew u żgur li l-Olandiżi mhux se jġibu ħniena minn ħadd. F’Ta’Qali, fil-partita ta’ nhar is-Sibt li għadda, kontra l-Litwanja għollejna l-moral għaliex ksibna l-ewwel punt, iżda hemm punti li żgur jeħteiġu jkunu aħjar.
Fuq il-karta, bir-ritorn ta’ Gabriel Mentz u Kurt Shaw, Malta għandha tkun aktar b’saħħitha u l-kowċ għandu aktar minn fejn jagħżel. Probanbilment nistennew naraw xi bidliet, anke jekk minimi fl-iskwadra inizjali tal-ewwel ħdax.
Il-modulu tattiku tagħna jaf jinbidel xi ftit għalkemm xorta qed nisetnna li nilagħbu b’sistema ta’ 4-2-3-1 li tkun aktar difensiva. Is-suċċess ta’ formazzjoni ta’ din t-tip ma jiddependix biss fuq it-tattiċi u t-teknika iżda wkoll fuq il-kundizzjoni fiżika tal-plejers. F’din is-sistema, il-midfielders difensivi u offensivi jkunu dejjem jiċċaqalqu, ikopru distanzi twal u jaqilbu bejn rwoli difensivi u offensivi fi ftit sekondi.
Dan ifisser li r-rwol ta’ Alex Satariano u Matthew Guillaumier se jkun vitali ħafna, dejjem jekk il-kundizzjoni tagħhom hi tajba biżżejjed biex jerġgħu jibdew mal-ewwel ħdax ta’ Malta.
F’Varsavja, kontra l-Polonja f’Marzu li għadda lagħbna b’din is-sistema. Hu fatt, li b’sistema ta’ 4-2-3-1, jeħtieġ li jkollok kumbinazzjoni tajba fl-iskwadrra li tiggarantixxi solidità difensiva, kontroll u organizzazzjoni f’nofs il-grawnd u kreattivitá fl-attakk.
Għalhekk, De Leo lejlet din il-logħba jeħtieġ li jikkonsidra ċertu deċiżjonijiet. Qabel xejn hu biss jaf f’liema stat fiżiku jinsabu l-plejers wara l-logħba ta’ kontra l-Litwanja u t-tieni nett, nemmen li biex inkompru dawn il-punti tattiċi ta’ importanza, għandhom jiġu kkonsidrati ċertu bidliet fl-ismijiet tal-ewwel ħdax ta’ Malta.
James Carragher għandu jżomm postu fl-iskwadra. L-istatistika ma tiġdibx u fattwalment, kontra l-Litwanja, Carrgher kellu l-ogħla perċentwal ta’ azzjonijet li kien involut fihom li kienu suċċess, b’persentaġġ ta’ 74%.
Mhux hekk biss il-plejer ta’ Wigan Athletic kellu l-akbar ammont ta’ interċettazzjonijiet u clearances tal-ballun, fil-fażi difensiva.
Carragher ikkontribwixxa wkoll fil-fażi offensiva. Kellu ammont ta’ 24 passaġġ li kien mogħti ‘l quddiem li 22 minnhom kienu tajbin, bil-maġġoranza tal-passaġġi li hu serva lil sħabu kienu fuq distanza qasira jew medja. Kien ukoll effettiv fl-ammont ta’ passaġġi li rrnexxilu jagħti fl-aħħar terz tal-pitch.
Il-perfezzjoni ma teżistix iżda lbieraħ Carragher kien l-aħjar tal-Maltin nhar is-Sibt li għadda, b’recoveries u dwelli ta’ one against one li ħafna minnhom kienu mirbuħa mill-plejer li kien qed jilgħab it-tielet logħba internazzjonali tiegħu ma’ Malta.
Nemmen li Gabriel Mentz għandu jkun inkluż. Iżda flok min? Jew Zach Muscat jew Enrico Pepe. It-tnejn kienu tajbin, u nażżarda ngħid li Pepe kien iktar tajjeb mis-soltu, però kieku kelli nagħmel għażla, inbiddel lil Pepe ma’ Mentz.
Mill-bqija, inħalli kollox kif inhu, għajr Paul Mbong. L-alternattivi għalih huma limitati. Mhijix in-norma li Jodi Jones jilgħab bħala punta ċentrali waħdu, għalkemm tista’ tkun għażla li fiċ-ċirkostanzi taf tkun qabża fid-dlam. Għalhekk l-ewwel preferenza probabbilment tkun Kyrian Nwoko. Li jinkwetani f’dan il-każ hu li Nwoko mhux li ġej minn xi staġun li fih kien dejjem regolari, anzi ftit kienu d-drabi li beda mill-bidu ma’ Sliema Wanderers jew lagħab il-logħba kollha.
L-għażla l-oħra taf tkun li jibda sa mill-ewwel minuta lil Basil Tuma, b’tama li bil-veloċitá u l-ħeffa tiegħu, taħsad lill-avversarji b’gowl bikri li jikkundizzjona l-logħba.
L-ewwel ħdax ta’ kontra l-Litwanja mhux se jkunu l-istess kontra l-Olanda, però dak x’naħseb jien. F’dak il-każ żewġ bidliet huma imperattivi li jseħħu; l-inklużżjoni ta’ Gabriel Mentz fid-difiża u attakkant ċentrali li ma jkunx Paul Mbong; ir-raġuni hi sempliċi.
Mbong ma kienx fl-aħjar tiegħu kontra l-Litwanja, u meta De Leo biddlu, l-attakk Malti kien aktar dirett u effettiv. Forsi għal din id-darba, ir-rwol ta’ Mbong jista’ jkun differenti, u allura utiliżżat bħala sostitut għal aktar tard fil-partita biex fl-aħħar għoxrin minuta jagħti kull saħħa li għandu fit-tmiem ta’ staġun biex jixpruna dejjem l-attakk Malti.
Sintendi dawn huma osservazzjonijiet u ħsibijiet tekniċi personali, u bil-wisq suġġettivi.
//= $special ?>