Kummerċ Lokali

Il-BOV bi rwol ċentrali fl-Istrateġija Marittima Nazzjonali

Il-Bank of Valletta jinsab lest li jkollu rwol ċentrali fl-Istrateġija Marittima Nazzjonali ta’ Malta. Kenneth Farrugia, il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, enfasizza l-impatt sinifikanti li l-industrija marittima għandha fuq Malta u wera ottimiżmu li l-iżvilupp kontinwu tal-Istrateġija Marittima Nazzjonali se jgħaqqad l-għanijiet tal-istakeholders kollha kif ukoll jagħti qabża ’l quddiem lill-potenzjal sħiħ tal-industrija.

Farrugia kien qed jitkellem waqt il-konferenza intitolata Konsultazzjoni dwar l-Istrateġija Nazzjonali tat-Trasport Marittimu organizzata mill-Forum Marittimu ta’ Malta.

Kemm is-settur tas-servizzi marittimi, kif ukoll dak finanzjarju ta’ Malta evolvew bil-kbir matul l-aħħar deċennji. L-industrija marittima, li darba kellha l-għeruq tagħha fil-bini tal-vapuri għal skop ta’ difiża, saret ekosistema b’saħħitha bl-appoġġ minn servizzi professjonali, istituzzjonijiet finanzjarji, u qafas regolatorju b’saħħtu. Illum, tikkontribwixxi sehem dejjem jikber għall-PDG nazzjonali u għandha potenzjal li tikber ħafna aktar. Bl-istess mod, is-settur tas-servizzi finanzjarji żviluppa minn banek tradizzjonali għal industrija sħiħa li toffri soluzzjonijiet finanzjarji diġitali avvanzati.

“Bħala l-akbar Bank ta’ Malta b’importanza sistemika għall-ekonomija, il-Bank għandu rwol trasformattiv ewlieni fl-industrija marittima billi jintegra kultura ta’ prinċipji ESG fl-offerti finanzjarji tiegħu. Dan se jikkontribwixxi biex l-industrija ssir aktar ekoloġika u tappoġġja operazzjonijiet marittimi sostenibbli,” kompla l-Kap Eżekuttiv tal-BOV.

“Konxju min-nuqqas ta’ finanzjament għall-inġenji marittimi f’Malta, l-istrateġija tal-BOV għandha tivvaluta li tattira operaturi potenzjali ta’ finanzjament minn sindikati biex jappoġġjaw l-industrija tat-tbaħħir, fid-dawl tal-modernizzazzjoni reċenti tal-qafas legali marittimu ta’ Malta aktar kmieni din is-sena.”

“Bħala sostenitur tal-Forum Marittimu ta’ Malta, sa mill-bidu tiegħu, il-Bank of Valletta qed jgħin biex irawwem djalogu bejn il-partijiet interessati differenti kollha ta’ din l-industrija importanti. Fl-istess waqt nisħqu dwar l-importanza li jkun hemm għaqda fit-tmexxija tal-progress fis-settur kollu,” ikkonkluda Farrugia.