Futbol Sport

Il-Gżirjan Gabriel Mentz mistenni jirritorna mal-ewwel ħdax ta’ Malta għal kontra l-Olanda

Emilio De Leo mistenni jibda b'Gabriel Mentz sa mil-ewwel minuta kontra l-Olanda (Ritratt ta' Andre Farrugia u MFA)
Emilio De Leo mistenni jibda b'Gabriel Mentz sa mil-ewwel minuta kontra l-Olanda (Ritratt ta' Andre Farrugia u MFA)

Lejlet l-aktar partita diffiċli li għandha Malta fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja, dik ta’ kontra l-Olanda, il-kowċ nazzjonali Malti Emilio De Leo mistenni jwettaq tal-anqas bidla waħda fil-formazzjoni inizjali ta’ għada meta mqabbel ma’ dik li beda’ biha kontra l-Litwanja nhar is-Sibt li għadda.

Ir-ritorn tad-difensur ċentrali Gabriel Mentz, wara li skonta sospensjoni ta’ tliet partiti, hija opportunitá għal De Leo sabiex jutiliżża lill-plejer ta’ Gżira United sa mill-ewwel minuta. Il-kwalitajiet ta’ Mentz, speċjalment dik ta’ difensur li jħobb ikun dirett u offensiv lejn il-lasta avversarja, għandha tagħti dimensjoni xi ftit differenti tat-tim Malti.

Illum, fil-konferenza stampa ta’ lejlet il-partita, Gabriel Mentz kien preżenti flimkien mal-kowċ Taljan, De Leo sabiex iwieġeb għad-domandi tal-ġurnalisti lokali u Olandiżi. Imwelled il-Brażil, Gabriel Mentz stqar il-frustrazzjoni li għaddha minha f’dawn l-ewwel tliet partiti tal-grupp, meta kien qed jiskonta sospensjoni ta’ tliet partiti wara li f’Novembru li għadda tkeċċa b’ħamra diretta f’logħba tal-UEFA Nations League kontra Andorra.

“Issa, li sa fl-aħħar nista’ nilgħab għal Malta mill-ġdid, ninsab eċitat u ħerqan li nkun fil-grawnd. Il-fatt li qed ningħata l-opportunitá li nirrapreżenta lil Malta, għalija dan hu privileġġ,” saħaq Gabriel Mentz fil-konferenza stampa tal-lum, tard wara nofs in-nhar f’Groningen.

Lejlet il-konfront kontra pajjiż li jinsab fis-sitt post fir-rankings tal-FIFA, l-Olanda, kowċ De Leo reġa’ tenna l-importanza li rrelevanti mill-avversarju li nkunu se nilgħabu kontra tiegħu, l-iskwadra tiegħu għandha tibqa’ dejjem iffukata fuq il-ħidma li qed issir bħala tim nazzjonali, fuq dan il-proġett li kellu l-bidu tiegħu ftit tax-xhur ilu.

“Sabiex nibdew naraw il-frott ta’ dan il-proġett, jeħtieġ li nħallu ż-żmien jgħaddi għaliex dan hu proċess twil. M’aħnix se nbiddlu l-mod tagħna ta’ kif qed naħdmu, sempliċiment għaliex quddiemna għadna avversarju li nafu biżżejjed kemm hu b’saħħtu (b’referenza ċara għall-Olanda),” qal De Leo.

Wara d-draw pożittiv ta’ nhar is-Sibt li għadda kontra l-Litwanja, De Leo kompla jkun pożittiv iżda meqjus f’kull kelma li jgħid, mingħajr ma joqgħod jirrepeti l-istess kliem.

“Nemmen li bħala skwadra għadna nħarsu lejn il-pożittiv li ġġib magħha din il-logħba kontra l-Olandiżi. Hu sabiħ li tilgħab kontra tim nazzjonali tal-istatura tal-Olanda, għaliex fiha nnifisha tagħtina l-opportunitá li nkomplu nikbru permezz tal-esperjenza li toffrilna din il-logħba, anke jekk dan se jkun impenn diffiċli ħafna,” kompla jgħid De Leo.

Il-kowċ Taljan, li f’Groningen għaliħ se tkun ir-raba’ logħba uffiċjali tiegħu fit-tmun tat-tim nazzjonali Malti, irrikonoxxa “l-isfidi u d-diffikultajiet li għadna bi preparazzjoni għal din il-logħba, iżda jeħtieġ li nkunu pożittivi anke f’dan ir-rigward.”

De Leo żied jgħid l-isfidi li “toffrilna din il-logħba, tagħtina ukoll opportunitajiet ġodda biex nikbru u nitjiebu f’ċertu oqsma.”

Id-difensur ċentrali ta’ 26 sena, Gabriel Mentz s’issa diġa’ lagħab tliet darbiet internazzjonali għal Malta. Minkejja li l-klabb li jilgħab miegħu, Gżira United, dan l-istaġun fil-Malta Premier, kemm fl-Opening Round kif ukoll fil-Closing Round, spiċċaw jilgħabu mal-aħħar sitta fit-tieni fażi ta’ kull fażi, Gabriel Mentz xorta waħda reġa’ kelliu staġun pożittiv, tant li skorja għaxar darbiet f’Kampjonat sħiħ.

“Il-partita ta’ għada kontra l-Olanda se tkun għadma iebsa għalina u nafu ukoll x’kwalitá jipposjedu. L-avversarji tagħna huma fost l-aqwa timijiet nazzjonali fid-dinja fil-preżent imma aħna preparati biex naffrontaw din l-isfida b’motivazzjoni. Bħala tim nazzjonali nafu x’għadna f’moħħna, kif irridu nilgħabu u x’għadna nagħmlu kontra tagħhom,” spjega Gabriel Mentz.