Ambjent Lokali

Il-konsorzju MIDI lest jiddiskuti l-ħolqien ta’ Park Nazzjonali f’Manoel Island

Il-konsorzju MIDI lest jiftaħ diskussjonijiet sabiex Manoel Island tinbidel f’Park Nazzjonali.

F’komunikat lill-media tard il-Ħadd bil-lejl, il-MIDI qal li lest jaħdem favur soluzzjoni għal Manoel Island.

Dan l-iżvilupp importanti f’din is-saga kien riżultat tal-pressjoni kbira li saret mill-għaqdiet ambjentali li ġabru xejn anqas minn 29,000 firma – kif ukoll il-pożizzjoni ċara li ħa l-Partit Nazzjonalista meta stqarr li issa ċ-ċirkustanzi f’din iz-zona tal-pajjiż inbidlu, u għalhekk għandu jsir kull sforz biex Manoel Island tinbidel f’Park Nazzjonali.

Il-konsorzju MIDI qed jinsisti li lest għal diskussjonijiet kostruttivi dwar it-triq ‘il quddiem.

Intant, fi stqarrija, l-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar fakkret kif din l-iżvolta importanti seħħet wara kampanja ta’ seba’ snin flimkien ma’ attivisti bħall-Moviment Graffitti u 40 għaqda oħra. Bl-istqarrija tindika li bil-perseveranza – u meta temmen f’kawża ġusta – il-pajjiż jista’ jinbidel għall-aħjar.

Li Manoel Island issir Park Nazzjonali ifisser li se jkun qed jinħoloq pulmun aħdar f’dan iċ-ċentru urban. Apparti minn hekk, iz-zona kollha se tkun qed teħles minn splużjoni drastika fit-traffiku, pressjoni fuq is-sistemi tad-drenaġġ u tniġġis fl-arja.