II-Malta Premier League, l-assoċjazzjoni li tiġbor fiha t-tnax-il klabb fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti, ħabbret dħul sostanzjali fit-tmiem tal-ewwel sena minn meta bdiet torganizza l-Kampjonat, għalissa flimkien u bl-għajnuna finanzjarja u loġistika tal-MFA.
Waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Malta Premier League, li saret aktar kmieni llum, l-għola uffiċjali ta’ din l-assoċjazzjoni ħabbru dħul ta’ ftit aktar minn nofs miljun ewro.
Fi stqarrija maħruġa mill-MPL, kien spjegat kif il-profitt kien ta’ aktar min-nofs dan l-ammont u l-klabbs qasmu bejniethom b’€240,000 f’dividendi; iġifieri kull klabb fl-aħħar ta’ dan l-ewwel staġun b’format ġdid se jkun ħa €20,000, iżda mhux biss.
Dan l-ammont seta’ jkun possibbli grazzi għal sponsorships varji li l-MPL kellu għal matul dan l-istaġun, inkluż inizjattivi bħalma kien il-Gozo Weekender li minn informazzjoni li għandu Replay, qabel kull klabb jaqta’ l-ispejjez li kellu jħallas, fosthom għall-akkomodazzjoni ta’ kull skwadra, id-dħul kien ta’ €8,000 għal kull klabb.
F’dan l-ewwel staġun ta’ transizzjoni, l-MPL kienet megħjuna mill-MFA biex tnaqqas mill-ispiża tagħha, billi kien mogħti sussidju mill-assoċjazzjoni Maltija tal-futbol lill-MPL għal kull logħba, apparti għajnuna oħra f’termini ta’ loġistika. Filwaqt li din l-għajnuna se terġa’ tkun mogħtija għall-istaġun il-ġdid, maż-żmien, dan is-sussidju se jkun qed jispiċċa. Dan id-dettall hu meqjus bħala wieħed importanti iżda tħalla barra mill-istqarrija tal-MPL.
L-istqarrija tgħid ukoll li l-klabbs tal-Malta Premier ħadu ammont ieħor, fosthom fondi ta’ solidarjetá mill-UEFA li minn dan l-istaġun ra żieda sostanzjali għall-klabbs Maltin.
Sintendi l-organizzazzjoni tal-Kampjonat mill-Malta Premier League, b’għajnuna mill-MFA, ta lok li l-assoċazzjoni li tirrappreżenta lill-klabbs fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti, jikkumerċjalizzaw aktar il-Kampjonat, bl-għan li jiżdied id-dħul tal-klabbs. Kien għalhekk li matul dan l-ewwel staġun, l-MPL ħadet l-inizjattiva li torganizza diversi inizjattivi li xprunaw iż-żieda fid-dħul finanzjarju.
Intant, l-istqarrija maħruġa mill-MPL qalet li minn analiżi preliminari “jirriżulta li l-attendenzi żdiedu bi 15% li jirrifletti żieda qawwija fl-interess iġġenerat. Din l-analiżi saret fuq like-for-like basis ta’ 182 logħba.”
L-istqarrija ttemm tgħid li għall-ewwel darba l-kampjonat ġie organizzat bi profitt. Filwaqt li kien hemm telf minimu matul l-istaġun regolari, dan inqaleb fi profitt waqt il Final Four.
Għaldaqstant, wieħed jifhem li l-fatt li Kampjonat ma ntrebaħx fit-tmiem tal-aħħar ġurnata tal-Closing Round, wassal għal aktar dħul finanzjarju li kien iġġenerat bl-organizzazzjoni tat-tliet partiti fl-istadju tal-Final Four li waslu għall-verdetti finali, fosthom ir-rebħ tal-Malta Premier minn Ħamrun Spartans.