Il-Qorti ta’ l-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri kkonfermat li ż-żewġ xhieda ewlenin f’każ ta’ inċident tat-traffiku għandhom jingħataw l-opportunità li jixhdu permezz ta’ video-link wara li l-ewwel Qorti kienet ċaħdet it-talba tal-Prosekuzzjoni għal dan l-arranġament, b’argumenti li l-Qorti tal-Appell ma sabithomx ġustifikati.
Il-każ jinvolvi lil Maktum Hasan Sourav, raġel ta’ 53 sena, li kien akkużat li fis-6 ta’ April 2023 fis-2pm fi Triq il-Mina ta’ Ħal Kirkop, saq karozza mingħajr liċenzja tas-sewqan u b’nuqqas ta’ ħila jew attenzjoni, ikkawża ġrieħi ħfief involontarji lil Adrian Pace u Michelle Leanne Pace.
Il-Qorti tal-Maġistrati kienet illiberat lill-akkużat fis-17 ta’ Marzu 2025, wara li naqset milli tisma’ x-xhieda ta’ Pace u martu, li kienu ġew f’korrispondenza mal-Prosekuzzjoni minn barra minn Malta biex jinformaw li ma setgħux jivvjaġġaw għal raġunijiet finanzjarji.
Fil-10 ta’ Mejju 2024, il-Prosekuzzjoni ressqet applikazzjoni biex dawn ix-xhieda jixhdu permezz ta’ video-link, iżda l-Qorti tal-ewwel istanza ċaħdet it-talba fil-ġurnata tas-seduta, billi qalet li l-flus huma limitati mhuwiex raġuni valida” biex issir video-konferenza.
“Raġunijiet mhux ġustifikati” – Qorti ta’ l-Appell
Il-Qorti ta’ l-Appell, irrimarkat li l-ewwel Qorti kienet setgħet tiddeċiedi b’mod differenti, anke għax għażlet li tħalli s-sentenza għal 10 xhur wara s-seduta tat-talba.
Il-Qorti enfasizzat li l-Prosekuzzjoni kienet ħadet il-passi kollha meħtieġa biex tippreżenta x-xhieda, u l-fatt li dawn kienu joqogħdu barra minn Malta kien ċar mill-ewwel. Il-Qorti qalet li skont l-Artikolu 647A tal-Kodiċi Kriminali, huwa permess li x-xhieda jixhdu permezz ta’ video-link meta jirriżulta li ma jistgħux jattendu l-Qorti fiżikament.
Għalhekk, il-Qorti tal-Appell laqgħet l-ewwel aggravju tal-Avukat Ġenerali, irrevokat is-sentenza tal-ewwel Qorti, u ordnat li l-proċeduri jibdew mill-ġdid minn dak il-punt preċiż fejn kienet ġiet miċħuda t-talba biex jinstemgħu x-xhieda b’mod remot.
Dan ifisser li l-każ kontra Maktum Hasan Sourav se jerġa’ jkompli mill-ġdid quddiem il-Qorti tal-Maġistrati biex jinstemgħu x-xhieda relevanti u l-proċess imur ‘il quddiem skont il-liġi.
//= $special ?>