Moviment Graffitti fakkru kif aktar kmieni din is-sena, il-Ministru Ian Borg wiegħed azzjoni sinifikanti biex tnaqqas l-attività kummerċjali u l-għadd eċċessiv ta’ nies fir-riżerva naturali tal-Kemmuna, b’mod partikolari fil-Blue Lagoon. Huma sostnew li s’issa, m’hemm l-ebda sinjal li xi waħda minn dawn il-wegħdiet se titwettaq sa dan is-sajf.
Il-“limitu” ta’ 12,000 viżitatur kuljum li ġie introdott dan l-aħħar, kif wissew il-Moviment Graffitti fi stqarrija, ma kienx effettiv, għax ma jindirizzax il-problema vera fil-Blue Lagoon: l-attività kummerċjali bla kontroll. Din tinkludi densità għolja ta’ negozji li joperaw fil-bajja, bħal aktar minn tużżana gabbani u ħwienet li joffru attivitajiet fuq l-ilma għat-turisti.
Moviment Graffitti sostnew li iktar importanti, is-sistema ma trażżanx il-prattika tal-vapuri li jiġbru gruppi kbar ta’ turisti minn lokalitajiet mal-kosta bħall-Buġibba u Tas-Sliema, li jispiċċaw ikkonċentrati fl-ambjent żgħir u delikat tal-Blue Lagoon.
Huma sostnew li r-riżultat ta’ din in-nuqqas ta’ azzjoni huwa li diġà, f’Mejju u Ġunju, il-Blue Lagoon u z-zona tal-madwar huma mimlija b’eluf ta’ turisti u operazzjonijiet kummerċjali li mhumiex sostenibbli, li qed jikkawżaw ħsara serja lill-ekoloġija taz-zona u jnaqqsu t-tgawdija pubblika ta’ dan il-post.
In-nuqqas ta’ rieda tal-Gvern li jirregola l-attività tan-negozji privati sabiex jipproteġi l-ġid komuni tidher ukoll fid-deċiżjoni tiegħu li jżomm mistur l-istudju tal-“carrying capacity” ta’ Kemmuna, li tlesta snin ilu iżda li qatt ma ġie ppubblikat.
Il-Moviment Graffitti jerġa’ jtenni li kull soluzzjoni fit-tul, sostenibbli u ġusta għall-Kemmuna trid tinkludi projbizzjoni fuq il-vapuri turistiċi kbar li jġorru gruppi kbar ta’ nies lejn din ir-riżerva naturali. Dan hu meħtieġ biex tinżamm l-integrità naturali tagħha u biex jerġa’ jinkiseb dan l-ispazju minn idejn l-interessi kummerċjali rgħiba.
Moviment Graffitti tennew l-istqarrija billi staqsew jekk il-Ministru Ian Borg hux lest li jwaqqaf ir-regħba u jagħmel dak li hu ġust għan-nies, u għall-ambjent.
//= $special ?>