Ambjent Lokali

“It-tibdil fil-Pjan Lokali għaż-żona ta’ Villa Rosa jqajjem tħassib serju dwar l-interess pubbliku” – PN

Il-Partit Nazzjonalista jistenna li jkun hemm reviżjoni sħiħa tal-Pjan Lokali fejn għandu x’jaqsam maż-żona ta’ Villa Rosa, u mhux bidliet individwali jew bil-biċċiet. Din ir-reviżjoni għandha tkun waħda bbażata fuq ippjanar serju u trasparenti. Kwalunkwe tibdil li jsir fil-Pjani Lokali għandu jkun wieħed li jħares tassew l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.

Fi stqarrija Stanley Zammit ix-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet u Rebekah Borg ix-Shadow Minister għall-Ambjent spjegaw li waqt it-tieni fażi tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-proposta ta’ tibdil fil-Pjan Lokali tal-Portijiet tat-Tramuntana speċifikament għas-sit ta’ Villa Rosa f’San Ġiljan, il-Partit Nazzjonalista esprima l-oppożizzjoni tiegħu għat-tibdil parzjali li qed jipproponi l-Gvern Laburista.

B’dak li qed jipproponi l-Gvern, id-densità f’din iż-żona mistennija tkun madwar tliet darbiet dik li hi bħalissa, u l-binjiet se jkunu jistgħu jitilgħu għoli ta’ 39 sular. Dan kollu mingħajr ma tkun saret analiżi sħiħa tal-infrastruttura eżistenti jew tal-impatti fit-tul li dan jista’ jkollu.

Il-mod kif qed jitmexxa dan il-proċess iqajjem tħassib serju dwar il-futur tal-ippjanar f’Malta, u dwar kemm dan il-proċess qed isir fl-interess pubbliku. L-ippjanar għandu dejjem ikun imsejjes fuq strateġija nazzjonali konsistenti, mhux każ b’każ biex jakkomoda sit wieħed jew proġett wieħed.

Fis-seduta tal-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar tal-Iżvilupp, rappreżentanti tal-Awtorità tal-Ippjanar ikkonfermaw li fil-Pjan Lokali tal-2006, is-sit ta’ Villa Rosa kellu limitu massimu ta’ bejn sitt u seba’ sulari. Iżda fl-2014, il-Gvern Laburista biddel dan billi daħħal policy ġdida li, f’ċerti każijiet bħal dan, tippermetti għoli mingħajr limitu. Għal ħafna snin, l-Awtorità tal-Ippjanar applikat il-policy tal-Gvern Laburista. Madankollu, diversi deċiżjonijiet tal-qrati f’dawn l-aħħar snin ikkonfermaw li l-pjani lokali għandhom jieħdu preċedenza fuq policies oħra meta jiġu evalwati applikazzjonijiet.

Minflok irreveda jew irtira l-policy tal-2014 li wasslet għal din is-sitwazzjoni, il-Gvern għażel li jibdel biċċa speċifika mil-Pjan Lokali. Deċiżjonijiet bħal dawn mhux biss iżarmaw kull idea ta’ koerenza fl-ippjanar, iżda wkoll jagħtu l-impressjoni li l-policies jinbidlu skont il-każ u mhux abbażi tal-interess taċ-ċittadin.

Il-bidliet biċċa biċċa kif qed jiġu proposti qed isiru f’qafas ta’ ppjanar skadut u mingħajr Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED) aġġornat. Apparti li dan kollu qed isir minghajr l-istudji neċessarji li suppost jiggwidaw bidliet ta’ din l-iskala:

  • Carrying Capacity Study li jevalwa kemm u x’tip ta’ żvilupp tiflaħ iż-żona;
  • Studji fuq l-infrastruttura bħad-dranaġġ, ilma, elettriku u traffiku;
  • Social Impact Assessment;
  • Evalwazzjoni kumulattiva tal-impatti viżivi u ambjentali fuq il-bajjiet, l-ekoloġija, il-patrimonju nazzjonali u l-ekosistemi tal-inħawi;
  • Strategic Environmental Assessment (SEA), obbligatorju skont l-Avviż Legali 497/2010 u d-Direttiva tal-UE 2001/42/KE, speċjalment meta l-bidliet proposti jistgħu jikkawżaw impatti ambjentali sinifikanti.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ favur żvilupp ta’ kwalità li jkun sostenibbli, ibbażat fuq studji serji, ippjanar ċar u konsultazzjoni pubblika vera. Bħalissa għandna biss ippjanar b’mod frammentat, każ b’każ, tibdil wara l-ieħor, bla direzzjoni nazzjonali u bla qafas serju ta’ ppjanar.

Għalhekk il-PN jappella biex dan il-proċess jiġi rtirat u minflok, jinfetaħ proċess ta’ reviżjoni sħiħa u olistika tal-Pjan Lokali bbażat fuq viżjoni nazzjonali, fuq SPED aġġornat u fuq l-istudji neċessarji kollha.

Il-politika tal-ippjanar m’għandhiex tkun ibbażata fuq proġetti individwali imma għandha tpoġġi l-interess pubbliku fuq quddiem. Għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji ta’ governanza tajba li jqiegħdu l-interess taċ-ċittadin fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet anke permezz ta’ konsultazzjoni pubblika trasparenti u miftuħa, biex il-komunitajiet ikollhom vuċi f’dak kollu li jaffettwa l-ambjent tagħhom.

Malta jistħoqqilha ppjanar serju u koerenti u mhux bidliet parzjali li jżidu l-konfużjoni u jnaqqsu l-fiduċja fil-proċess.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat li jressaq politika ta’ ppjanar modern, trasparenti u konsistenti li tqiegħed il-benesseri tal-komunitajiet u l-protezzjoni tal-ambjent fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet.