Internazzjonali

Iżrael se jiddeporta lil Greta Thunberg…wara li waqqaf il-jott tal-Flotilla tal-fejda milli jwassal l-għajnuna lill-Palestinjani f’Gaza

Il-qawwiet ta’ Iżrael, fl-aħħar sigħat, interċettaw jott li fuqha kien hemm Greta Thunberg, il-famuża attivista favur il-klima, u persuni oħra determinati biex iwasslu kwantità żgħira tal-għajnuna lill-Palestinjani f’Gaza.

Fuq il-jott, minbarra Thunberg (ta’ nazzjonalità Żvediża), kien hemm deputat parlamentari Franċiż u 12-il attivisti oħra li ma setgħu jagħmlu xejn ladarba l-jott,  parti minn flotilla ta’ fejda, spiċċa maħtuf u sekwestrat fost it-theddid ta’ forza.

U waqt li Thunberg qalet li l-Iżraeljani żammew lilha u lil sħabha kontra l-volontà tagħhom,  il-grupp Amnesty International ħareġ stqarrija biex ifisser il-missjoni tal-flotilla bħala ‘indikattiva ta’ sitwazzjoni fejn il-komunità internazzjonali ma rnexxilhiex twaqqaf l-assedju ta’ Gaza mill-qawwiet ta’ Iżrael’.

L-istess grupp qal li Iżrael għandu obbligu fuq livell internazzjonali biex jaċċerta li ċ-ċivili ta’ Gaza jaslulhom l-ikel u l-provvisti oħra essenzjali għall-ħajja. Intant, l-Amnesty akkuża lil Iżrael b’li qed juri ‘disprezz sfaċċat’ għal-liġi internazzjonali kif ukoll għal-liġi umanitarja li kulħadd hu fid-dover li jirrispetta.

Madankollu, il-Ministeru għall-Affarijiet Iżraeljan qal li l-persuni ta’ fuq il-jott xtaqu biss li jagħmlu teatrin u biex jużaw l-okkażjoni bħala skuża biex jiġbdu s-‘selfies’…. Sar magħruf ukoll li l-kunsinna tal-għajnuna fuq il-jott ma kenitx aktar milli jiflaħ iġorr trakk wieħed – b’Iżrael, fl-aħħar sigħat, jiċċara l-intenzjonijiet tiegħu biex jiddeporta lil Greta Thunberg u l-attivisti l-oħra.

Il-jott tal-Freedom Flotilla Coalition, fil-preżent, jinsab fil-port Iżraeljan ta’ Ashdod.

Fl-istess ħin, il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, talab biex iċ-ċittadini Franċiżi fuq il-jott jitħallew jirritornaw pajjiżhom mill-aktar fis . Dan waqt li t-Turkija kundannat l-intervent tal-Iżraeljani fil-konfront tal-jott bħala ‘attakk kundannabbli li kellu jseħħ fl-ibħra internazzjonali’.

Madankollu, Iżrael baqa’ jirreferei għall-missjoni tal-Flotilla bħala ‘provokazzjoni’ anki waqt li l-Ministeru Palestinjan għall-Affarijiet Bararnin insista għall-protezzjoni tal-attivisti f’idejn l-Iżraeljani.

Dan ukoll waqt li l-uffiċjali tan-Nazzjonijiet Uniti ħarġu appell biex aktar dgħajjes u bastimenti jivvjaġġaw flimkien lejn Gaza biex iwasslu b’urġenza l-għajnuna lill-Palestinjani li lkoll qed iħabbtu wiċċhom ma ċirkustanzi mill-aktar iddisprati.