Jerome Caruana Cilia, PN
Il-kwalità tal-impjiegi m’għandhiex titkejjel biss bir-rata ta’ qgħad. Irridu nħarsu lejn ambjent san, bilanċ bejn xogħol u ħajja, u appoġġ għas-saħħa mentali b’rabta max-xogħol.
Hekk sostna x-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia waqt dibattitu fil-Parlament dwar l-estimi tal-aġenzija Jobsplus.
Huwa sostna li filwaqt li huwa pożittiv li r-rata ta’ qgħad f’April 2025 skont l-NSO kienet ta’ 2.7%, dan xorta waħda jfisser li hemm aktar minn 9,000 persuna bla xogħol. Huwa qal li dawn l-eluf m’għandhomx jiġu injorati, kemm għaliex ix-xogħol jagħti d-dinjità lill-bniedem iżda wkoll għaliex ħafna kumpaniji Maltin qed ikollhom iġibu aktar barranin biex jimplew postijiet tax-xogħol vakanti.
Hu ied jgħid li din id-diskrepanza tista’ tkun ġejja kemm minħabba li min iħaddem mhux isib persuni bil-ħiliet meħtieġa, li jfisser problema ta’ skills mismatch jew għaliex f’ċertu setturi jibqa’ jipprevali sentiment ta’ pagi li ma jlaħħqux ma’ dak li nisimgħu f’kompetituri tagħna madwar l-Ewropa, pagi li permezz tagħhom il-familji mhumiex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja.
Għaldaqstant, għandha ssir diskussjoni serja dwar x’qed jillimita l-kompetittività ta’ pajjiżna. F’dan il-kunest, id-deputat Nazzjonalista tkellem ukoll dwar rapport estensiv ippubblikat fl-aħħar jiem mill-Kummissjoni Ewropea, magħruf bħala s-Semestru Ewropew, li filwaqt li jinnota li t-tkabbir ekonomiku f’Malta għaddej b’rata tajba, jixħet dawl fuq il-problema tal-kompetittività f’pajjiżna.
B’mod partikolari, dan ir-rapport jitkellem dwar in-nuqqas ta’ ħiliet f’setturi speċifiċi u jwissi li n-nefqa ta’ pajjiżna fuq riċerka u l-innovazzjoni hi fost l-inqas fl-Unjoni Ewropea, fil-livell ta’ 0.64% tal-GDP, meta l-medja Ewropea hi ta’ 2.24%. Dan saħansitra huwa inqas mir-rata fl-2012. Ir-rapport jitkellem ukoll dwar il-burokrazija żejda, fejn jgħid li n-negozji Maltin jiltaqgħu ma’ pressjoni amministrativa u piżijiet regolatorji konsiderevoli.
Fir-rapport, il-Kummissjoni Ewropea tgħid ukoll li ż-żieda qawwija fil-popolazzjoni qed tħalli impatt fuq l-infrastruttura u r-riżorsi ta’ pajjiżna.
“Dan hu messaġġ ċar. Ekonomija moderna ma tistax tkompli tikber b’mod sostenibbli jekk ma tinvestix fil-ħiliet tan-nies, fit-teknoloġija u fl-innovazzjoni”, insista Jerome Caruana Cilia. “Din hija wkoll problema ta’ impjiegi. Jekk ma noħolqux setturi ġodda ta’ valur għoli – ma nistgħux noħolqu pagi ogħla, ma nistgħux noħolqu karrieri ta’ kwalità, u nkunu dipendenti fuq tkabbir demografiku artifiċjali biex inżommu l-magna ekonomika mixgħula”, żied jgħid.
Ix-Shadow Minister qal li dawn il-problemi huma frott nuqqas ta’ viżjoni fit-tul. Dwar Viżjoni 2050, huwa qal li din hija punt ta’ tluq tajjeb, u diffiċli li wieħed ma jaqbilx ma’ tali dikjarazzjonijiet ambizzjużi. Madankollu, huwa appella biex dan id-dokument ma jispiċċax bħal ħafna qablu fuq l-ixkaffa. “Biex din il-viżjoni ssir realtà, hemm bżonn azzjoni konkreta – u fuq kollox, ir-rieda li naslu fejn irridu – u dan se nibqgħu nisħqu fuqu.”
Id-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia tkellem ukoll dwar il-fatt li impjiegi ta’ kwalità ma jfissrux biss impjiegi b’pagi tajbin, iżda li joffru kwalità ta’ ħajja aħjar. F’dan il-kuntest, huwa rrefera għar-Rapport Employee Wellbeing at the Workplace 2025, ippubblikat minn Misco flimkien mal-Malta Employers Association fl-aħħar jiem, li sab li 88% tal-impjegati f’Malta esperjenzaw problemi ta’ saħħa mentali marbuta max-xogħol f’xi punt tal-karriera tagħhom. Din iċ-ċifra żdiedet minn 77% sentejn ilu, jiġifieri il-problema qed tiggrava, mhux tonqos.
Aktar minn nofs l-impjegati jgħidu li x-xogħol tagħhom huwa spiss stressanti. Hu għalhekk li huwa ġedded l-appell tiegħu u tal-Partit Nazzjonalista biex pajjiżna jersaq lejn ekonomija sostenibbli, li toffri postijiet tax-xogħol b’pagi li jippermettu lill-familji jkollhom bilanċ diċenti biex b’hekk tassew jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar.