L-istaġun tal-fkieren f’Malta beda uffiċjalment nhar it-Tnejn, 9 ta’ Ġunju, meta nstabet l-ewwel bejta fil-Bajja ta’ Ġnejna.
Il-bejta tal-fkieren ġiet osservata mid-diviżjoni tat-Tindif waqt xogħlijiet fuq il-bajja. Malli nstabet din ġiet irrappurtata lil Nature Trust Malta (NTM-FEE), li hija sponsorjata mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex twettaq salvataġġ u riabilitazzjoni madwar il-gżejjer Maltin.
Kemm it-timijiet tal-ERA kif ukoll tal-NTM kienu fuq il-post ftit wara biex jipproteġu l-bejta.
L-ERA se toħroġ ordni ta’ konservazzjoni ta’ emerġenza biex tissalvagwardja aktar is-sit.
Il-fekruna l-komuni (loggerhead turtle), hija speċi tal-baħar li tgħix fit-tul u timmatura bil-mod li tgħix f’żoni tropikali sa dawk ta temperaturi sħan. Klassifikata bħala ‘Globally endangered ‘mil- World Conservation Area (IUCN), l-ispeċi hija protetta minn diversi liġijiet nazzjonali u internazzjonali.
Il-qbid, il-qtil, it-teħid, u l-kummerċ ta’ dawn il-fkieren, kif ukoll it-tfixkil intenzjonat ta’ dawn l-ispeċi, partikolarment matul il-perjodu tat-tgħammir, it-trobbija u l-migrazzjoni, huma pprojbiti. Il-qerda ta’ bajd jew it-teħid ta’ bajd u frieħ mis-selvaġġ jikkostitwixxi reat kriminali, B’multa minima ta’ kważi €500 u titla’ għal kważi €2,400 għal kull bajda li tista’ tinqered jew tittieħed mis-selvaġġ.
“Dawk li jmorru fuq il-bajja u li jsibu fekruna tbejjet huma mgħarrfa biex iżommu d-distanza tagħhom, u biex ma jersqux lejn il-fekruna. L-istorbju u d-dawl għandhom jinżammu għall-minimu. Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jirrapporta immedjatament kwalunkwe attività tal-fkieren lill-ERA bit-telefon (2292 3500), permezz tas-sistema onlajn tagħha, jew direttament lil NTM (9999 9505),” qalet id-Direttur tal-Affarijiet Regolatorji tal-ERA, Aimee Brincat.
Il-bejtiet tal-fkieren huma imħarsa 24/7 biex tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom.
Biex dan ikun possibbli, l-NTM se jkun meħtieġ li jkun hemm voluntiera għall din il-bejta.
//= $special ?>