Għada Malta se tkun qed tilgħab ġħas-seba’ darba fl-istorja kontra l-Olanda. L-esperjenza sal-lum tat-tim nazzjonali Malti kontra dan il-pajjiż mill-Majjistral tal-Ewropa, mhux li tant kienet waħda sabiħa.
Fis-sitt partiti preċidenti, kollha partiti kompetittivi u validi minn gruppi ta’ kwalifikazzjoni għal edizzjonijiet tal-Kampjonati Ewropej, tlifna dejjem u qatt ma rrnexxilna niskorjaw kontra tagħhom. L-aħħar darba li Malta lagħbet kontra t-tim nazzjonali tal-Orango tmur lura għal kważi 30 sena ilu, meta fil-11 ta’ Ottubru 1995, f’Ta’ Qali, pajjiżna kien ġarrab telfa ta’ 4-0 kontra l-Olanda.
Il-gowls kollha tal-avversarji kienu waslu fit-tieni taqsima, u l-protagonista tal-Olanda dakinhar kien Marc Overmars, li kien għad kellu biss 22 sena u kontra Malta kien skorja l-ewwel hat-trick tiegħu ma’ pajjiżu.
Il-winger, li eventwalment kien spiċċa jilgħab ma’ Arsenal u Barcelona fost l-oħrajn, f’dak iż-żmien kien plejer ta’ Ajax u t-tliet gowls li kien skorja f’dik il-ġurnata kontra Malta, kien l-uniku hat-trick tal-karriera tiegħu bil-flokk tat-tim nazzjonal ta’ pajjiżu. Sal-aħħar tal-karriera tiegħu, Overmars kien lagħab 87 darba għall-Olanda u skorja 17-il gowl.
Il-gowl l-ieħor Olandiż fir-rebħa ta’ 4-0 kontra Malta, dakinhar kien skorjat minn Clarence Seedorf.
Iżda l-istorja ta’ partiti preċidenti li Malta lagħbet kontra l-Olanda matul iż-żmien, tagħtina memorji agħar minn telfa ta’ 4-0 u anke riżultati u prestazzjonijiet li minkejja li konna ħriġna telliefa, xorta waħda kienu wirjiet pożittivi u fost l-aqwa ta’ Malta fl-istorja ta’ kull żmien.
L-agħar memorja mill-partiti preċidenti ta’ Malta kontra l-Olanda, tibqa’ it-telfa ta’ 8-0, fid-19 ta’ Diċembru 1990 f’Ta’Qali. Din kienet telfa diżastruża, fost l-agħar li qatt ġarrab it-tim nazzjonali Malti.
F’dik illejla kerha, kien skorja ħames gowls waħdu, l-istilla ta’ Milan, Marco Van Basten li kien għad kellu biss 26 sena.
Eventwalment, fil-partita ta’ wara, mill-istess grupp ta’ kwalifikazzjoni, nhar it-13 ta’ Marzu 1991, f’logħba li kienet intlagħbet f’Rotterdam, quddiem attendenza ta’ 36,000 partitarju, Malta kienet tat risposta bil-wisq kbira lill-avversarji meta tlifna 1-0. Il-gowl skorjat wasal minn penalty kontroversjali u li reġa’ kien skorjat minn Van Basten.
Dakinhar il-protagonista tal-Maltin kien Reggie Cini, li kien iddefenda l-lasti tal-Maltin bi qlubija kbira u salva diversi azzjonijiet ta’ skor. Din kienet l-aqwa wirja mis-sitt partiti li lagħbna sal-lum kontra l-Olanda u li ħafna għadhom jiftakru b’tant nostalġija pożittiva.
L-ewwel darba li Malta u l-Olanda lagħbu kontra xulxin, kien 42 sena u nofs ilu meta f’partita li kienet parti mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 1984, f’Ta’Qali, l-Olanda kienu rebħu 6-0. B’hekk, storikament l-ewwel memorja tat-tim nazzjonali tagħna f’konfront dirett kontra l-Oranje mal-ewwel kienet waħda ħażina, hekk kif bdejna l-istorja ta’ partiti milgħuba kontra xulxin fuq sieq ħażina b’telfa kbira, bil-veteran ta’ 34 sena, Cees van Kooten u Dick Schoenaker, li f’dak iż-żmien kien plejer ta’ Ajax, jiskorjaw żewġ gowls kull wieħed.
Sena wara, fit-tieni partita bejn dawn iż-żewġ pajjiżi, din id-darba fl-ewwel logħba li Malta qatt lagħbet fl-Olanda, taħt it-tmexxija ta’ Victor Scerri bħala kowċ, Malta konna ġarrabna telfa oħra kbira. Madankollu din id-darba kienet telfa ta’ 5-0, biż-żagħżugħ ta’ 21 sena, li kien għadu plejer ta’ Ajax, Frank Rijkaard, kien skorja doppjeta għat-tim nazzjonali ta’ pajjiżu.
Qabel din id-darba, l-aħħar darba li Malta u l-Olanda telgħu sabiex jilagħbu fl-istess grupp ta’ kwalifikazzjoni kienet għall-Ewro 1996.
Dakinhar konna lagħbna l-ewwel partita, fil-pajjiż avversarju, li ġeografikament jaqsam fruntieri marittimi mar-Renju Unit, il-Ġermanja, u l-Belġju. Malta konna tlifna 4-0, f’konfront milgħub f’Rotterdam, f’era li matulha t-tim nazzjonali tagħna kien taħt it-tmexxija ta’ Pietro Ghedin.
Il-partita ta’ wara, dik li ntlagħbet f’Malta, f’Ottubru tal-1995, sal-lum tibqa’ l-aħħar darba bejn iż-żewġ pajjiżi u konna tlifna għal darb’oħra bi skor kbir ta’ 4-0.
Għada se nilagħbu għall-ewwel darba f’Groningen u għar-raba’ darba f’dar l-avversarji. Nittamaw li dan il-fatt iġibilna ftit tal-fortuna, u nittamaw f’wirja u destin għall-Maltin li jkun simili għal dak li kellna fit-13 ta’ Marzu 1991, meta kontra l-Olanda ġarrabna l-inqas telfa, b’wirja qalbiena iżda fuq kollox b’telfa ta’ goal waħdieni ta’ 1-0.
F’sitt partiti, Malta qatt ma skorjat, u sofrejna total impressjonanti ta’ 28 gowl Olandiż; wisq fi storja ta’ konfronti diretti bejn Malta u l-Olanda li taqta’ barra logħba waħda minn sitta, mill-bqija dejjem sofrejna telfiet bi skors kbar.
//= $special ?>