Lokali Qorti

Meħlus wara li l-Prosekuzzjoni naqset milli tippreżenta xhud ewlieni fuq inċident: Il-parti l-oħra wkoll meħlusa

Il-Qorti tal-Maġistrat f’Għawdex illiberat ċittadin Serb mixli b’attentat ta’ serq minn residenza privata wara li l-Prosekuzzjoni naqset milli tippreżenta xhud ewlieni. Viktor Markovic, ta’ 39 sena u residenti temporanjament Malta, kien qed jiffaċċja diversi akkużi b’rabta ma’ inċident li seħħ fid-9 ta’ Awwissu 2023 f’residenza fi Triq il-Madonna taċ-Ċiċri, iż-Żebbuġ f’Għawdex.

L-akkużi kienu jinkludu tentattiv ta’ serq, theddid, vjolazzjoni ta’ proprjetà, u l-ksur ta’ kundizzjonijiet ta’ libertà proviżorja. Skont il-Prosekuzzjoni, Markovic kien daħal fil-proprjetà ta’ Paschalino Cefai bejn il-11:45 a.m. u nofsinhar, u allegatament kellu miegħu arma jew imitazzjoni tagħha waqt li pprova jisraq oġġetti li jammontaw għal valur ta’ bejn €232 u €2,329. Cefai wkoll tressaq il-Qorti b’rabta mal-inċidenti u ġie wkoll illiberat.

Il-Qorti semgħet ukoll li l-imputat suppost hedded lil Cefai u kiser kundizzjoni imposta mill-Qorti f’każ ieħor. Madankollu, l-uniku xhud li kien preżenti waqt l-inċident, jiġifieri l-vittma stess, ma ġiex imsejjaħ biex jixhed. Il-Prosekuzzjoni ressqet xhieda oħra, iżda dawn setgħu jirrakkontaw biss dak li kienu semgħu mingħand ħaddieħor u ma raw xejn b’għajnejhom.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Simone Grech, ikkritikat il-fatt li l-Prosekuzzjoni naqset milli tippreżenta l-aħjar prova possibbli, jiġifieri x-xhieda diretta tal-vittma. Wara li eżaminat id-dokumenti kollha u s-smiegħ tal-provi, il-Qorti qalet li ma nġabritx biżżejjed evidenza sabiex l-akkużat jinstab ħati lil hinn minn kull dubju raġonevoli.

Għaldaqstant, il-Qorti ċaħdet ukoll it-talba biex jintilef il-ħelsien mill-arrest u biex tintrebaħ is-somma tas-sigurtà mogħtija bħala depożitu favur il-Gvern. Il-Qorti ddeċidiet li tillibera kompletament lil Viktor Markovic minn kull akkuża miġjuba kontrih. L-ispettur Bernard-Charles Spiteri, mexxa l-prosekuzzjoni,

Cefai meħlus ukoll minn kull akkuża għax m’hemmx provi biżżejjed

Sadaniitant Paschalino Cefai, ta’ 43 sena u residenti ż-Żebbuġ, Għawdex, ġie meħlus minn kull kundanna u ħtija mill-Qorti tal-Maġistrati f’Għawdex wara li kien qed jiffaċċja għadd ta’ akkużi relatati ma’ vjolenza domestika, theddid, u ħsara proprjetarja.

Il-każijiet imsemmija seħħew fit-6, 7 u 9 ta’ Awwissu 2023 fiż-Żebbuġ, Għawdex, fejn Cefai kien akkużat, fost oħrajn, li:

  • Kkaġuna ġrieħi gravi lil persuna jisimha Viktor Markovic;
  • Weġġa’ b’mod ħafif lil sieħba tiegħu Robyn Vella;
  • Għamel ħsara fuq vettura tal-marka Volkswagen;
  • Uża theddid u arma li taqta’ kontra l-istess sieħba;
  • Kiser kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest li kienu imposti fuqu b’ordnijiet preċedenti mill-Qorti;
  • U li rrenda ruħu riċediv.

L-ebda xhieda diretta u stqarrijiet vagi

Fil-proċess, Robyn Vella – waħda mill-allegati vittmi – talbet li l-proċedura titwaqqaf għal dawk l-akkużi li kienu relatati magħha. Xhud ieħor, Tereza Cefai, ma setgħet tagħti ebda xhieda konkreta peress li ma kinetx preżenti waqt l-inċidenti.

L-unika stqarrija minn Viktor Markovic – l-allegata vittma l-oħra – kienet vaga u mhux dettaljata, u ma kinitx biżżejjed biex tgħin lill-Qorti li ssib ħtija. Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana, qieset li ma kien hemm l-ebda prova “mingħajr dubju raġonevoli biex wieħed jasal għal kundanna.

Il-Qorti għaldaqstant iddeċidiet li:Ma għandhiex quddiemha provi lil hinn minn kull dubbju raġjonevoli… għaldaqstant qed tillibera lill-imputat minn kull kundanna u ħtija.”

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.