Dan huwa mument deċiżiv għal Malta: Irridu nagħtu prijorità lis-sostenibbiltà ambjentali, is-saħħa pubblika u l-ġid nazzjonali għalissa u għall-futur. Aħna, bħala akkademiċi u professjonisti, inħeġġu lill-Gvern ta’ Malta sabiex iqis mill-ġdid il-futur ta’ Manoel Island bħala spazju naturali miftuħ għall-pubbliku. Dan huwa obbligu legali, imma din hija wkoll opportunità biex nindirizzaw il-ħtiġijiet urġenti ta’ pajjiżna u l-prijoritajiet pubbliċi attwali fil-kuntest ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura.
Malta tinsab f’nofs il-Mediterran, reġjun li nafu li qed iħoss l-impatt serju tal-bidla fil-klima u t-telf tal-bijodiversità. Quddiem kriżijiet klimatiċi u ekoloġiċi dejjem jikbru, m’għadx għandna l-lussu li noqogħdu
naħsbuha għandniex bżonn inħarsu l-ispazji naturali li għad fadal. Manoel Island, li tinsab f’nofs iz-zona
urbanizzata ħafna ta’ Tas-Sliema u l-Gżira, hija ġawhra soċjali u ekoloġika li mhux se nsibu oħra bħalha.
It-trasformazzjoni ta’ Manoel Island f’riserva naturali pubblika u park ta’ wirt kulturali toffri bosta benefiċċji marbutin mal-prinċipji tas-saħħa tal-pjaneta: issostni l-bijodiversità, ir-reżiljenza klimatika u l-ġid tal-komunità.
Nafu li spazji naturali fi nħawi urbani:
- Isaħħu s-saħħa mentali u fiżika, u jnaqqsu l-obeżità, l-istress u d-dipressjoni,
- Itejbu l-kwalità tal-arja, jiffriskaw l-atmosfera fi nħawi urbani, u jħarsu l-bijodiversità,
- Joffru spazji għal attività fiżika, mistrieħ, u koeżjoni soċjali.
Bħala parti minn din il-viżjoni, għandu jingħata prijorità t-tħawwil u l-konservazzjoni ta’ siġar, arbuxelli u pjanti indiġeni u endemiċi li huma l-aktar adattati għall-klima ta’ Malta, jappoġġjaw il-bijodiversità lokali, u jeħtieġu inqas riżorsi biex jikbru. Dan mhux biss isaħħaħ l-importanza ekoloġika ta’ Manoel Island iżda jsaħħaħ ukoll l-identità tagħha bħala spazju naturali tassew Malti. Din l-inizjattiva tagħtina l-opportunità li nħarsu l-wirt kulturali u ekoloġiku tagħna, nagħtu ġieħ lill-passat storiku ta’ Manoel Island, u nwettqu proġetti ta’ tħawwil ta’ siġar u kura tal-ambjent.
Meta Malta ffirmat il-ftehim ta’ żvilupp mal-MIDI aktar minn għoxrin sena ilu, ir-realtajiet soċjali u ekonomiċi ta’ Malta kienu differenti ħafna. Għalkemm it-tkabbir ekonomiku tejjeb il-kwalità tal-ħajja f’diversi oqsma, dan ħafna drabi sar b’detriment għall-wirt naturali u arkitettoniku tagħna. Illum Malta għandha responsabbiltà ambjentali akbar minn qabel u qed jittieħdu inizjattivi importanti bħall-investiment ta’ €700 miljun fl-ambjent u l-ħidma ta’ Project Green biex jinħolqu ġonna fil-bliet.
F’dan il-kuntest, Manoel Island toffri opportunità unika biex nagħmlu l-pass li jmiss. Għax filwaqt li dawn l-isforzi huma meħtieġa u ta’ min ifaħħarhom, Malta teħtieġ ukoll spazji kbar u miftuħa b’valur ekoloġiku li jibqgħu kemm jista’ jkun ħielsa minn intervent uman intensiv. Manoel Island tista’ ssir park nazzjonali, eżempju ħaj ta’ restawr ambjentali u promozzjoni tas-saħħa pubblika.
L-inkwiet li biex nieħdu lura Manoel Island “lill-poplu se tiswieh il-miljuni” għandna nħarsu lejh mod ieħor bħala investiment pubbliku għaqli u maħsub għall-futur. Jekk il-fondi jintefqu biex lil Manoel Island inħarsuha u nagħtuha ħajja ġdida nkunu qed ninvestu fit-tul f’saħħa pubblika aħjar, f’turizmu sostenibbli bbażat fuq il-wirt kulturali u ambjentali, u f’reżiljenza urbana aqwa. Kontra l-iżvilupp ta’ appartamenti lussużi maħsubin biss għal ftit nies ipprivileġġati, Manoel Island protetta toffri benefiċċji ġusti u mifruxa għal ġenerazzjoni wara l-oħra. Il-prijorità nazzjonali għandha tkun li ninvestu fin-natura, fis-saħħa mentali u fl-ispazji tal-komunità u mhux li nwarrbu biex isiru żviluppi privati. Dan ikun eżempju ta’ tmexxija għaqlija ta’ pajjiżna.
Aħna, l-akkademiċi u l-professjonisti hawn taħt iffirmati, nirrakkomandaw li l-Gvern ta’ Malta:
- Jerġa’ jeżamina l-konċessjoni ta’ Manoel Island fid-dawl tal-obbligi kuntrattwali li ma twettqux min-naħa tal-MIDI,
- Jieħu lura s-sit biex ikun tal-poplu u jintuża mill-poplu, taħt it-tmexxija ta’ aġenzija ambjentali u
kulturali responsabbli lejn il-pubbliku, - Jiddikjara Manoel Island zona soċjo-ekoloġika protetta, u jintegra inizjattivi għar-restawr ekoloġiku, il-ħarsien tal-wirt storiku, u s-saħħa tal-komunità.
Din tagħna hija sejħa biex nibdew naħsbu fuq l-iżvilupp bħala mod kif inħarsu s-saħħa tal-pjaneta u ta’ dawk kollha li jgħixu Malta.
//= $special ?>