Nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Ġunju filgħaxija waqt li l-pulizija kienu fuq ronda ta’ rutina fl-inħawi ta’ Paceville, innutaw żewġ persuni li kienu qed ibigħu bżieżaq mimlija b’Nitrous Oxide (magħruf bħala laughing gas).
Minn osservazzjoni tal-pulizija rriżulta li persuni kienu qed jixtru dawn il-bżieżaq u jikkunsmaw l-imsemmi gas, u għaldaqstant il-bejjiegħa ġew imwaqqfa u l-pulizija issekwestraw 18-il flixkun mimlija b’Nitrous Oxide.
Iżjed tard fl-istess lejla, il-pulizija innutaw żewġ persuni magħrufa mal-Pulizija li kienu qed jiksru l-ħinijiet imniżżla fil-kundizzjonijiet tal-bail imposta fuqhom mill-qorti u għaldaqstant ġew arrestati, filwaqt li għall-ħabta ta’ nofsillejl pulizija pajżana osserrvaw raġel jittraffika l-ħaxixa tal-kannabis, fejn ġie arrestat u tressaq il-Qorti.
Huwa ammetta l-akkużi miġjuba kontra tiegħu u ngħata sentenza ta’ 14-il xahar ħabs u multa ta’ €500.
Għall-ħabta tal-5.30am, raġel irrapporta li kien safa’ misruq fl-inħawi tal-Ġnien ta’ Spinola, fejn il-pulizija marret immedjatament fl-inħawi u wettqet ronda mal-vittma bl-għan li jiġi identifikat l-aggressur. L-aggressur ġie identifikat ftit tal-ħin wara fejn fuq il-persuna tiegħu nstabu l-kartiera u l-mobile li kien seraq mingħand il-vittma. Huwa ġie arrestat u mressaq il-Qorti, fejn ammetta l-akkużi u ngħata sentenza ta’ 3 snin ħabs effettivi.
Is-Sibt filgħxija waqt li l-pulizija reġgħu kienu għaddejja b’rondi ta’ rutina fl-istess lokalità ġew imsejħa sabiex jassistu fuq inċident tat-traffiku bejn żewġ karozzi hekk kif inqala’ argument bejn il-persuni involuti.
Waqt dan l-argument tnejn mill-ħames persuni involuti fl-argument ġew arrestati wara li ma kkoperawx mal-pulizija, filwaqt li waħda minnhom aggrediet lill-pulizija u ġiet imressqa l-Qorti taħt arrest, fejn ammettiet l-akkużi miġjuba kontriha u ngħatat probation għal 3 snin, filwaqt li nħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-pulizija.
//= $special ?>