Mid-Deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ
Shadow Minister għad-Drittijiet tat-Tfal
Filwaqt li pajjiżna żviluppa ħafna mill-Indipendenza ’l hawn, imxejna ferm ’il quddiem bis-sħubija fl-UE u bil-ħidma sfiqa avvanzajna sew ekonomikament, hu ironiku li l-faqar donnu hu realtà ġdida għal sezzjoni tan-nies.
Hu ironiku u inkwetanti li qisu ġralna bħal diversi pajjiżi sinjuri li fihom hemm qabża kbira bejn dawk li ħajjithom sejra tajjeb u oħrajn li minħabba ċirkostanzi diversi qegħdin ibatu l-faqar jew inkella qegħdin f’riskju imminenti ta’ faqar.
Il-PN hu kommess li jindirizza bil-qawwa kollha din il-problema. Dan hu obbligu morali għax hu dritt fundamentali ta’ kull persuna li tgħix ħajja dinjituża.
Bħala Kelliema tal-Oppożizzjoni għad-Drittijiet tat-Tfal, hu ta’ tħassib kbir għalija li din il-problema qigħda tolqot ħafna tfal. Fil-fatt, ċifri ppubblikati mill-UE fl-aħħar jiem juru li 26% tat-tfal f’pajjiżna jinsabu fir-riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali.
Iva, sew fhimtu. Aktar minn kwart tat-tfal f’Malta. Din l-istatistika turi l-ogħla rata mill-2017 ’il hawn u għal darb’oħra Malta mmexxija minn Gvern Laburista reġgħet qegħda fuq in-naħa l-ħażina tal-istatistika Ewropea. Malta tinsab fis-seba’ post fost il-pajjiżi membri. Issa tajjeb nirrealizzaw li wara din l-istatistika m’hemmx numri biss, imma hemm bnedmin. Hemm tfal. Hemm il-futur tas-soċjetà tagħna.
Dan b’kuntrast mal-fatt li hu dritt fundamentali tat-tfal kollha li jgħixu tfulithom bħala tfal b’mod hieni u dinjituż. Fil-fatt dan id-dritt hu mnaqqax fil-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda għad-Drittijiet tat-Tfal.
It-tfal li jgħixu fil-faqar iħabbtu wiċċhom ma’ ħafna riskji u problemi. Fost dawn għandhom ir-riskju ta’ nutriment batut li konsegwenza tiegħu hemm l-obeżità, tipi differenti ta’ mard u kundizzjonijiet, kif ukoll dewmien fl-iżvilupp. Bla dubju, dan kollu mhuwiex aċċettabbli f’pajjiż żviluppat u fejn l-ekonomija suppost li sejra tajjeb. Għaldaqstant, hu ta’ prijorità għall-Partit Nazzjonalista li ntejbu l-għajxien tat-tfal u s-saħħa tagħhom.
Meta ssemmi t-tfal bilfors li tiftakar fil-futur tagħhom. It-tfal tagħna jista’ jkollhom futur garantit permezz tal-edukazzjoni. Iżda t-tfal foqra anke f’dan il-qasam ibatu.
Nuqqas ta’ riżorsi
Normalment dawn it-tfal ibatu fl-iskola, kemm minħabba nuqqas ta’ riżorsi iżda wkoll minħabba nuqqas ta’ sapport, għajnuna u ambjent tad-dar li jħajjar lit-tfal jirnexxu fl-iskola. Il-faqar jista’ jkun ukoll ċirku vizzjuż. Dan għaliex il-faqar jista’ jwassal għal aktar kriminalità, vjolenza u instabbilità soċjali.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista qiegħed iwiegħed ħidma serja u għadd ta’ miżuri li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies, sabiex nipprevjenu li l-faqar jintiret minn ġenerazzjoni għal oħra. Fost l-oħrajn inwiegħdu:
Aċċess aħjar għall-edukazzjoni, billi nassiguraw edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd sabiex anke jkomplu jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ xogħol fil-futur.
Kura tas-saħħa u nutriment adegwat, sabiex ngħinu li jiġu evitati problemi ta’ saħħa marbuta ma’ ikel mhux adattat u nutrittiv biżżejjed ħalli ntejbu l-benesseri tat-tfal kollha.
Programmi ta’ protezzjoni soċjali, b’inizjattivi bħalma huma assistenza soċjali lil dawk l-aktar fil-bżonn ħalli tassew li ħadd ma jibqa’ lura.
Sigurtà ekonomika għall-familji, b’appoġġ lill-ġenituri fit-trobbija tal-ulied, b’impjiegi stabbli, pagi ġusti u ambjent xieraq ħalli t-tfal jitrabbew tajjeb.
Appoġġ komunitarju u parteċipazzjoni tat-tfal, biex inħeġġu lit-tfal jieħdu sehem u jitkellmu favur id-drittijiet tagħhom u jagħtu sehemhom fis-soċjetà wkoll sabiex tissaħħilhom l-awtonomija li hi tant importanti għall-futur tagħhom.
Il-faqar jista’ jiġi eliminat. Dan isir jekk ikun hemm rieda tajba min-naħa tal-awtoritajiet, inqas ħela ta’ flus u aktar investiment fit-tfal. Ma nistgħux nibqgħu naċċettaw il-fatt li xi tfal qegħdin jibqgħu lura minħabba ċ-ċirkostanzi spjaċevoli li jitwieldu fihom. Hu obbligu tal-politiċi li ma jinsew lil ħadd.
Anzi, hu obbligu akbar li ngħinu lil min l-iktar għandu bżonn għajnuna. Kif pajjiżi oħra naqqsu l-faqar b’mod drastiku, hekk ukoll nistgħu nagħmlu aħna.
Dan jekk nagħmlu deċiżjonijiet għaqlin li minnhom igawdu dawk l-aktar fil-bżonn. Minkejja li l-Gvern Laburista suppost li jħaddan prinċipji Soċjalisti fejn jaġevola lil min hu dgħajjef, hu evidenti li dan mhux qiegħed isir.
Taħt Gvern Laburista l-faqar sploda. Il-Partit Nazzjonalista jwiegħed li se jagħmel l-almu tiegħu biex b’ekonomija b’saħħitha u bil-miżuri adegwati li semmejt aktar qabel, it-tfal Maltin jgħixu ħajja aktar serena, aktar stabbli u jkollhom futur garantit.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 8 ta’ Ġunju, 2025.