Diversi jiftakru s-snin li biddlu l-Ewropa minn dik mimlija theddid Sovjetiku għal dik libera. Niftakru wkoll l-avvenimenti li mexxew lill-Polonja biex tkun fattur ta’ bidla
Mid-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali
u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem
- F’ħafna milli ġara hemm dak li hu marbut magħna. Niftakru f’Dicembru tal-1981. Fit-12 tiegħu f’pajjiżna riżultat elettorali li ġab maġġoranza ta’ voti lill-Partit Nazzjonalista u siġġijiet aktar lill-Partit Laburista li baqa’ fil-Gvern imexxi kontra r-rieda tal-poplu.
Fit-13 tiegħu fil-Polonja, b’Unjoni tal-Ħaddiem ġdida tkaxkar l-appoġġ tar-reġim jiddikjara liġi marżjali. Proċessi t-tnejn li ma għandhomx jiġu kkwotati f’kif għandek tmexxi demokratikament.
Għeruq uniċi
- Il-Polonja għandha f’dan esperjenza twila u diffiċili biex tirbaħ u tirrenja l-indipendenza tagħha. Ikkumbattiet ħafna u kienet maħkuma fis-sekli.
Proprju għalhekk li nfetaħ bieb demokratiku li għadu hemm sal-lum meta fl-4 ta’ Ġunju tal-1989, fl-ewwel forma ta’ elezzjonijiet liberi, Solidarnosc rebaħ kważi s-siġġijiet kollha.
Dan il-Moviment tal-klassi tal-ħaddiema ispirat aktar u mimli b’kuraġġ u b’determinazzjoni aqwa wara l-elezzjoni ta’ Papa Pollakk Ġwann Pawlu I,I beda proċess ta’ bidla.
Minnu llum, ħamsa u tlettin sena skorruti, nifhmu li f’dak il-pajjiż hemm għeruq partikolari li jirbħu fuq konsiderazzjonijiet oħra.
Demokrazija
- Il-Ħadd li għadda din l-esperjenza żiedet bl-elezzjoni presidenżjali mill-iktar kumbattuti. Il-proċess elettorali wassal għal għażla bejn Rafal Trzakowski (1972) u Karol Nawrochi (1983). It-tnejn mhux ’il bogħod wisq mill-ideat ta’ ċentru u ċentru lemin.
Elezzjoni kumbattuta bħalma kienet dik tal-2020 meta l-istess Rafal Trzakowski tilef kontra Andrzey Duda (1972) b’marġini żgħar ħafna.
Kif ġara ħames snin ilu hekk seħħ illum. Karol Nawrochi rnexxielu, għan-nom ta ideat aktar fuq il-lemin, li jirbaħ bi ftit. Il-verità hija ċara li l-pajjiż huwa maqsum kważi ugwalment (għaxar muljun votant fuq kull naħa) bejn il-kandidat tal-Partit tal-Liġi u l-Ġustizzja (PIS) u l-Koalizzjoni Ċivika mmexxija minn Donald Tusk.
Mhux biss li Rafal Trzakowski li għalkemm deher fuq quddiem fl-ewwel rawnd ta’ voti ngħata t-tieni telfa presidenzjali tiegħu. Sinjal ċar li fil-pajjiż hemm ideat demokratiċi qawwija u li mhumiex lura xejn.
Avvanż
- Kif ingħad reċentement f’The Economist, il-pajjiż mexa ’l quddiem: “For the past three decades, Poland has shown ho much a country can achieve by European Integration and good economic policy. Since 1995 income per person has more than trebled. Since it joined the EU in 2004 Poland has never known recession apart from briefly at the height of the covid-19 shutdown. During those two decades, its average annual growth has been almost 4%. The fruits of that growth are on display across the country.”
Id-demokrażżija u s-sħubija fl-Unjoni Ewropea mexxew ’l quddiem il-poplu minn dak li kien jinsab fiħ fl-1981. Kif ukoll f’dan pajjiżna.
Mhux biss imma l-Polonja investiet ferm iktar fl-ispiża militari tagħha, sforz dak li għaddiet minnu. Punt li jindika ferm aktar li l-pajjiż huwa demokratikament u ekonomikament sod.
Punti differenti
- Jidher però li f’dan l-pajjiż hemm żewgġ konsiderazzjonijiet importanti. L-ewwel li l-poplu jħossu komdu li l-Parlament ikollu kontra bilanċ ta’ President li mhux dejjem lest li jimxi u jaqbel miegħu.
It-tieni li għad hemm min ma jaqbilx ma’ dak li qiegħed jiġi prospettat mill-Gvern li l-liġijiet bħal dawk fir-rigward l-abort jiġu liberalizzati aktar.
Hemm f’dan koalizzjoni elettorali li temmen fid-demokrazija imma mhux ma’ numru ta’ liġijiet li saru f’pajjiżi oħra. Dawk li huma identifikati ma’ kunċetti u ideat liberali.
L-għeruq tal-pajjiż għadhom wara dawn is-snin marbuta ma’ principji etiċi Nsara li jiffurmaw bażikament il-pajjiż u l-elettorat sħiħ. Dawk li anki aħna għandna. Jingħad f’dan x’jingħad jibqa’ ċertament li l-Polonja hu pajjiż kbir u minn Solidarnosc f’35 sena avvanzat sew demokratikament u ekonomikament.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 8 ta’ Ġunju, 2025.
//= $special ?>