Lokali Qorti

Psikjatra u eks boxer magħrufa akkużati b’ċertifikati mediċi foloz

Fil-Qorti tal-Magistrati, psikjatra magħruf u eks-boxer ukoll magħruf li kien ukoll champion tal-Commonwealth, tressqu akkużati b’serje ta’ ċertifikati mediċi foloz li ntużaw biex jiġġustifikaw ksur ta’ kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Il-każ jikkonċerna lil Mark Xuereb, ta’ 53 sena, li huwa psikjatra u lil Scott Dixon, ta’ 48 sena, boxer Skoċċiż li darba kellu t-titlu ta’ champion tal-kategorija welterwieght. Iż-żewġt irġiel jgħixu Tas-Sliema u tressqu taħt arrest fil-Qorti nhar it-Tnejn quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia.

Scott Dixon ilu fuq il-ħelsien mill-arrest minn każ ta’ traffikar tal-kannabis li jmur lura għall-2009. Il-Qorti kienet tagħtu l-ħelsien kontra depożitu ta’ €15,000 u garanzija personali ta’ €25,000. Madanakollu, bejn Frar 2023 u Mejju 2024, Dixon ma kienx qed jiffirma l-ktieb tal-ħelsien fl-Għassa kif mitlub li jagħmel fuq ordni tal-Qorti.

Biex jiġġustifika dan in-nuqqas, huwa ppreżenta ċertifikati mediċi magħrufa bħala ċ-ċertifikati “blu” quddiem il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras. Iżda dawn iċ-ċertifikati qajmu suspett u ġiet ordnata investigazzjoni mill-Qorti stess.

Minn din l-investigazzjoni, irriżulta li l-psikjatra Mark Xuereb kien allegatament involut fl-għoti taċ-ċertifikati mediċi foloz, li wasslu għat-tressiq tagħhom il-Qorti taħt arrest. Mark Xuereb tressaq akkużat bħala uffiċjal pubbliku li:

  • biddel u ħareġ ċertifikati foloz;
  • ta informazzjoni falza f’dokument għall-awtorità pubblika, biex hu jew oħrajn jibbenefikaw.

Scott Dixon tressaq akkużat li:

  • iffabbrika u uża dokumenti foloz;
  • naqas milli jaġġorna d-dettalji tal-karta tal-identità tiegħu;
  • kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Iż-żewġt akkużati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.

Kwistjoni ta’ proċedura

Il-proċedimenti bdew b’diffikultà proċedurali hekk kif ġie żvelat li l-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, li kienet qed tisma’ l-kawża, kienet diġà iffirmat il-mandati ta’ arrest kontra ż-żewġt irġiel. L-avukat tad-difiża Franco Debono sostna li dan jista’ joħloq problema ta’ imparzjalità.

Il-Qorti wissiet li kienet f’sitwazzjoni mhux tas-soltu u ġiet sospiża għal ftit sabiex il-maġistrat teżamina s-sitwazzjoni. Meta reġgħet fetħet is-smigħ, il-maġistrat ħabbret li kienet lesta li tirtira. Iżda d-difiża qalet li ma kellhiex oġġezzjoni li l-maġistrat tkompli b’mod limitat.

Il-maġistrat għaldaqstant kompliet biss għal din l-ewwel seduta, u dan ġie rreġistrat uffiċjalment fil-minuti tal-Qorti. Wara li semgħet lill-partijiet, il-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest liż-żewġ akkużati. Scott Dixon fuq €3,000 depożitu u €12,000 garanzija personali. Ġie ordnat jiffirma l-Għassa tal-Pulizija kuljum bejn it-8am. u 8pm u li jkun id-dar sa 12.00am u ma joħroġx qabel is-6am.

Mark Xuereb ingħata l-ħelsien fuq garanzija personali ta’ €10,000 u li jrid ukoll jiffirma l-Għassa tal-Pulzija darbtejn fil-ġimgħa wkoll bejn it-8am u 8pm. Bħal Dixon huwa jkun id-dar sa 12.00am. u ma joħroġx qabel is-6am.

Scott Dixon ġie assistit mill-avukati Franco Debono, Michael Sciriha u Adreana Zammit. Mark Xuereb ġie difiż mill-avukat Matthew Xuereb.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Darryl Farr.