Minn Grupp I, tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2026, l-Italja kisbu rebħa importanti ta’ 2-0 fuq il-Moldova, biex b’hekk pattew xi ftit għad-disfatta li kellhom fl-aħħar ħarġa tagħhom fit-telfa ta’ 3-0 kontra n-Norveġja. Huma marru minn fuq minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima b’gowl ta’ Giacomo Raspadori, qabel fil-50 minuta kien Andrea Cambiasso, ta’ Juventus, li rdoppja u assigura mir-rebħa, fl-aħħar partita ta’ Luciano Spalletti fit-tmexxija tat-tim.
Minn Grupp J partita klassika bejn il-Belġju u Wales li ntemmet 4-3 favur it-tim Belġjan. Romelu Lukaku fetaħ l-iskor mill-ħdax-il metru, Yuri Tieleman u Jeremy Doku jagħmluhom 3-0 favur il-Belġju fl-ewwel nofs siegħa logħob. Minkejja dan, fil-ħin mogħti żejjed tal-ewwel taqsima, Harry Wilson naqqas id-distakk mill-ħdax-il metru għal Wales. Sorba Thomas ta’ Nantes għamel l-iskor 3-2, bi Brennan Johnson ta’ Tottenham iġib l-iskor indaqs fis-70 minuta. Minkejja dan, kellu jkun l-istilla u captain tal-Belġju Kevin De Bruyne li skorja l-gowl tar-rebħa fit-88 minuta, għal riżultat finali ta’ 4-3.
Riżultati:
Illum: Grupp I: Estonja v Norveġja 0-1, Italja v Moldova 2-0
Grupp J: Kazakhstan v Maċedonja 0-1, Belġju v Wales 4-3
Grupp L: Kroazja v R. Ċeka 5-1: Gżejjer Faroe v Ġibiltà 2-1
Għada: Grupp G: Finlandja v Polonja 8.45pm, Olanda v Malta 8.45pm
Grupp H: Romanija v Ċipru 8.45pm, San Marino v Awstrija 8.45pm
Grupp K: Latvja v Albanija 8.45pm, Serbja v Andorra 8.45pm